Lokali

L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Assigurazzjoni b’appell lill-Gvern għal aktar azzjoni dwar is-sewqan irresponsabbli

L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Assigurazzjoni (IAM) appellat lill-Gvern sabiex minbarra li tittieħed azzjoni b’rabta ma’ sewqan taħt l-influwenza tax-xorb u d-droga, jitrażżan is-sewqan irresponsabbli fit-toroq ta’ Malta, li qed iwwassal għal numru sostanzjali ta’ fatalitajiet.

Din l-istqarrija, saret wara li fil-Parlament sar dibattitu dwar leġiżlazzjoni ġdida li timponi pieni aktar ħorox fuq is-sewwieqa li jikkawżaw fatalitajiet waqt li jkunu taħt l-influwenza tad-drogi jew l-alkoħol.
Filwaqt li l-IAM laqgħet l-inizjattiva, saħqet li l-liġijiet dwar is-sigurtá fit-toroq għandhom jindirizzaw kull tip ta’ mġieba perikoluża tas-sewqan, mhux biss dawk marbuta mal-abbuż ta’ sustanzi.

Fi stqarrija fuq il-midja soċjali, L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Assigurazzjoni, iddikjarat li “sewqan negliġenti joqtol. Ma jimpurtax jekk intix fis-sakra, taħt l-effett tad-droga, jew sempliċement issuq b’mod perikoluż … il-konsegwenzi huma l-istess, u l-liġi trid tirrifletti dan.”Finalment, l-IAM appoġġjat is-sejħa tal-Oppożizzjoni għal liġi li tibgħat messaġġ ċar u qawwi biex tiskoraġġixxi kull forma ta’ mġieba abbużiva fit-triq.