Internazzjonali

L-Istati Unit tikkonferma s-sitt veto għal riżoluzzjoni dwar Gaza

Din kienet is-sitt darba li l-Istati Uniti eżerċitat il-veto dwar Gaza fil-Kunsill tan-NU u minkejja li r-riżoluzzjoni appellat ukoll għall-ħelsien tal-ostaġġi Iżraeljani li ilhom kważi sentejn miżmuma mill-Ħamas.

L-14-il pajjiżi l-oħra membri tal-Kunsill tas-Sigurtà ivvutaw favur l-abbozz tar-riżoluzzjoni li sejħet ukoll biex Iżrael ineħħi r-restrizzjonjiet għat-trasport tal-għajnuna liż-2.1miljun Palestinjani li qed jgħixu f’Gaza.

Madankollu, ir-Rappreżentant tal-Istati Uniti sostna li l-kliem tal-abbozz ma kkundannax lill-Ħamas u lanqas ma rrikonoxxa d-dritt tal-Iżraeljani li jiddefendu lilhom infushom.

Dan waqt li s-sorsi viċin il-Gvern Amerikan sostnew li ħadd ma kellu għalfejn jissorpendi ruħu għall-fatt li l-Istati Uniti opponiet din ir-riżoluzzjoni.

  1. Istati Uniti hi wkoll urtata għal dak li fissret bħala ‘narrativi foloz li qed jibbenefikaw lit-terroristi tal-Ħamas’. Dan waqt li l-kelliema f’Washington tennew li l-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti qed isostni u jgħin għall-istess narrativi foloz.

Min-naħa tiegħu, Riyad Mansour, l-Ambaxxatur Palestinjan għan-Nazzjonijiet Uniti, esprima diżappunt għall-aħħar veto min-naħa tal-Istati Uniti. Hu qal li jifhem is-sens ta’ diżappunt u rabja tal-poplu Palestinjan f’Gaza’ li, kuljum, qed jittama li jeħles mill-offensiva militari kontinwa tal-Armata Iżraeljana fuq it-territorji tiegħu.

Wieħed, issa, irid jara r-riperkussjonijiet tal-veto min-naħa tal-Amerikani….Dan meta l-vot ittieħed jiem biss qabel il-laqgħa annwali għall-mexxejja tad-dinja waqt l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.

F’dan l-avveniment, il-kriżi ta’ Gaza għandha tispikka bħala suġġett ewlieni u meta numru ta’ pajjiżi – alleati ewlenin tal-Istati Uniti, fosthom ir-Renju Unit – mistennija jirrikonoxxu lill-Istat indipenden ti tal-Palestina….Pass fil-parti kbira simboliku li l-Istati Uniti u Iżrael qed jopponu għalih bil-qawwi.

Fl-istess ħin, l-aħħar veto tal-Istati Uniti fir-rigward ta’ Gaza żgur li ma kisibx approvazzjoni universali fost l-Amerikani.

Fil-fatt, nofs il-poplu fl-Istati Uniti qed jgħidu li Iżrael, illum, qed jeżaġera bl-azzjonijiet militari f’Gaza – bir-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tenfasizza t-tbatija profonda u konsistenti tal-poplu Palestinjan.

Minkejja dan, iżda, l-Istati Uniti qed tinsisti li l-aħħar riżoluzzjonijiet tal-Kunsill ma kenux marbutin direttament mal-ħelsien bla kundizzjonijiet tal-ostaġġi Iżraeljani li ilhom priġuniera tal-Ħamas mis-7 ta’ Ottubru tal-2023.