Internazzjonali

L-Istati Uniti timblokka vot għal waqfien mill-ġlied f’Gaza

GAZA

Għas-sitt darba l-Istati Uniti bblukkat il-vot tan-Nazzjonijiet Uniti għal waqfien mill-ġlied f’Gaza dan apparti li r-riżoluzzjoni kienet titlob ukoll biex tirrilaxxa l-ostaġġi.

Dan filwaqt li l-14-il membru ieħor fi ħdan il-Kunsill tas-Sigurtà vvuttaw favur il-waqfien mill-ġlied.

Għaldaqstant, wara l-vot il-membri l-oħra esprimew id-diżappunt tagħhom għal pożizzjoni li ħadet l-Istati Uniti li vot wara l-ieħor qed tkompli tivvota kontra.

Rapporti internazzjonali qalu li l-ambaxxatur tal-Pakistan ddeskriva l-aġir tal-Istati Uniti bħala mument iswed speċjalment meta bħalissa d-dinja qed issegwi kull deċiżjoni li tittieħed b’rabta ma’ din il-gwerra.

Ir-riżoluzzjoni tiddeskrivi s-sitwazzjoni f’Gaza bħala waħda katastrofika filwaqt li appellat lil Iżrael sabiex tneħħi r-restrizzjonijiet fuq l-għajnuna umanitarja.