Raġel ta’ 28 sena minn San Ġwann, Ivon Pace, wieġeb mhux ħati għall-akkużi li nqabad fil-pussess ta’ kokaina, eroina u kannabis b’valur ta’ madwar €10,000, f’ċirkostanzi li juru li l-istess sustanzi ma kinux għall-użu personali tiegħu.
Il-każ instema’ fil-Qorti tal-Maġistrati l-Ġimgħa wara nofsinhar quddiem il-Maġistrat Leonard Caruana, fejn Pace kien ukoll akkużat li wettaq dawn ir-reati f’inqas minn 100 metru minn post frekwentat miż-żgħażagħ.
L-Ispettur Mark Mercieca qal li nhar il-Ħamis l-uffiċjali tad-Drug Squad kienu qed josservaw taxi misjuqa minn Pace u nnotawh iwaqqaf il-vettura diversi drabi biex jitkellem ma’ persuni oħra. Minkejja li kien taxi, il-movimenti kienu jixbħu lil dawk assoċjati mat-traffikar tad-droga.
Meta l-akkużat waqaf ħdejn gym f’Ta’ Qali, il-pulizija ddeċidew li jagħmlu tfittxija, iżda minħabba li l-backup ma wasalx fil-ħin, Pace niżel mill-vettura u daħal ġewwa l-gym. L-uffiċjali segwewh, identifikaw ruħhom u hu pprova jaħrab iżda ġie arrestat immedjatament.
Waqt it-tfittxija fuqu nstab borża b’sustanza bajda, filwaqt li fil-vettura tiegħu nstabu pakketti ta’ kokaina, crack cocaine u eroina. Fit-tfittxija f’daru f’San Ġwann instab ukoll il-kannabis. Fuq il-mobile tiegħu nstabu messaġġi minn terzi li allegatament kienu qed jitolbuh id-droga.
Il-Qorti, fuq talba tal-prosekuzzjoni, ħarġet ordni ta’ ffriżar tal-assi. L-avukat tad-difiża Arthur Azzopardi talab il-ħelsien mill-arrest, iżda l-Ispettur Mercieca oġġezzjona billi qal li l-akkużat qed jaffaċċja akkużi serji, għandu rekord kriminali u mhuwiex persuna ta’ fiduċja, filwaqt li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.
Hu saħaq ukoll li Pace allegatament daħħal ammont konsiderevoli ta’ droga ġewwa gym fejn suppost iż-żgħażagħ jitħarrġu u mhux iqiegħdu sustanzi pprojbiti. Azzopardi wieġeb li l-kwantitajiet involuti kienu limitati – 60 gramma kannabis, pakkett eroina u 130 gramma kokaina – u li l-liġi diġà tipprovdi għal dawn il-każijiet.
Hu sostna wkoll li l-aktar kundanna serja ta’ Pace tmur lura għal meta kellu 16-il sena u għalhekk ma ġiex akkużat bħala reċidiv. Il-Qorti xorta waħda ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest u ordnat li Pace jibqa’ taħt arrest preventiv. Meta sema’ d-deċiżjoni, l-akkużat ma setax iżomm id-dmugħ u insista li ma kellu xejn fuqu.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Daniel Tabone mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispettur Mark Mercieca, filwaqt li l-Avukat Arthur Azzopardi deher għal Pace.
//= $special ?>