minn Joe M. Zahra
Il-Partit Nazzjonalista kien ilu għal għexiren ta’ snin jiġġieled biex pajjiżna jkun rajh f’idejh. Għal dan bata. Bata kull meta l-mexxejja Nazzjonalisti fil-gvern talbu biex Malta tingħata dak li hu tagħha bi dritt: rajna f’idejna mingħajr l-indħil ta’ ħadd. Talab biex Malta toħroġ mill-Uffiċċju Kolonjali u tidħol f’dak tal-Commmonwealth ma’ pajjiżi bħall-Kanada, l-Awstralja u New Zealand.
Meta Sir Ugo Mifsud, Nerik Mizzi u mexxejja oħra tal-Gvern Nazzjonalista tal-1932 telgħu Londra u għamlu talba simili, gvern li kellu b’maġġoranza ta’ 60 fil-mija tal-voti u b’21 membru f’Paralment ta’ 32, sempliċiment qalulhom li s-servizzi tagħhom ma kenux iktar meħtieġa. U ħadulna lura l-Kostituzzjoni li kienu tawna fl-1921! Hekk kienu jittrattaw il-kolonji l-Ingliżi!
Meta Ġorġ Borg Olivier tela’ Londra għall-koronazzjoni tar-Reġina Eliżabetta II fl-1953 u wara reġa’ talab li pajjiżna jgħaddi mill-Uffiċċju Kolonjali għal dak tal-Commonwealth, il-Gvern Ingliż immanuvra biex fl-elezzjoni ġenerali ma jitlax u minfloku jiġi elett il-Partit Laburista ta’ Mintoff bil-għajta tal-integration, għaqda mar-Renju Unit.
Iżda fl-1962 id-dinja kienet inbidlet. Il-kolonji kienu qed jispiċċaw waħda wara l-oħra. Hekk meta l-Prim Ministru Malti Ġorġ Borg Olivier għamel it-talba formali tiegħu għall-Indipendenza ma setgħux jgħidulu le anke jekk għamlulu kemm felħu bsaten fir-roti. Ġorġ Borg Olivier ħadem u stinka sakemm pajjiżna kiseb dak li mexxejja Nazzjonalisti qablu kienu ilhom jaħdmu biex niksbu: l-Indipendenza ta’ pajjiżna.
Għada niċċelebraw mal-Partit Nazzjonalista din il-kisba storika
Fit-triq tal-iżvilupp
Id-diskors ta’ Borg Olivier li kkwotajt iktar ’il fuq kien xprun biex kulħadd jagħti sehmu ħalli nagħmlu mill-Indipendenza suċċess. Suċċess ekonomiku. Suċċess kulturali bl-Indipendenza ġġib magħha qawmien kulturali kbir. Suċċess f’kollox u f’kull qasam.
Is-suċċess ekonomiku beda jitkejjel mhux minnha iżda mill-barranin. Niftakar lill-Mexxej ta’ Singapore Lee Kuan Yew f’Malta jitlob lil Borg Olivier ir-riċetta tas-suċċess li konna qed nagħmlu mill-Indipendenza. L-istess kien staqsa l-Arċisqof Makarios, l-ewwel President ta’ Ċipru. Dawn spiċċaw żviluppaw l-ekonomija tagħhom iktar minn tagħna għaliex bejn l-1971 u l-1987 bdilna l-mudell ekonomiku għal wieħed fejn kollox beda jiddependi mill-istat.
Infakkar ukoll lill-Professur M.M. Metwally li kien inġieb Malta biex jagħmel studju dwar l-istruttura u l-prestazzjoni tal-ekonomija Maltija. Dan kien sab kemm marret ’il quddiem l-ekonomija ta’ pajjiżna bejn l-1964 u l-1971 mqabbla mal-ewwel snin ta’ Gvern Laburista ta’ wara l-1971. Studju li ma kienx għoġob lill-Gvern Laburista ta’ Mintoff tant li ddikjaraw lil Metwally persons non grata.
Niftakar ukoll dak li kien ikkonkluda t-tieni rapport tal-“Joint Steering Committee for Malta” li twaqqaf biex isib impjiegi għal dawk li kienu qed jitilfuhom minn mas-Servizzi Militari Ingliż. F’dan ir-rapport jingħad li l-problema li qed tiffaċċja l-ekonomija Maltija fit-tliet snin li kienu ġejjin ser tkun mhux waħda li jinstabu impjiegi għal dawk li jintilfu mis-Servizzi, jew li jitnaqqas il-qgħad, jew li nnaqqsu l-ħtieġa tal-emigrazzjoni, iżda li jinstabu l-ħaddiema għall-impjiegi li mistennija jinħoqu.
Dik kienet il-qagħda ekonomika kif ħallieha l-Gvern Nazzjonalista mmexxi minn Borg Olivier. Li bil-miżuri li kien qed jieħu saħħaħ l-iżvilupp, żied l-impjiegi, naqqas il-qgħad u l-emigrazzjoni.
Jien lil pajjiżna naqsmu f’perjodu skont min kien fil-gvern. Mill-Indipendenza ’l hawn il-gvernijiet kienu jew Nazzjonalisti jew Laburisti. Għalhekk irridu naqsmu dak li seħħ f’pajjiżna skont min kien fil-gvern.
Il-perjodu 1971-1987
Il-perjodu bejn l-1971 u l-1987, dak fejn fil-gvern kien hemm il-Partit Laburista, jinżel fl-istorja bħala s-snin fejn il-Gvern ried jaħtaf taħt idejh kollox mis-setturi ekonomiċi, azjendi privati, skejjel u sptarijiet privati. Kien iż-żmien fejn is-settur pubbliku kien iħaddem 55,000 persuna, nofs il-ħaddiema kollha tal-pajjiż meta fl-1971 kien hemm mas-settur pubbliku 20,000 ħaddiem biss. Żmien fejn l-infrastruttura tfarrket bl-ibħra mniġġsa mid-drenaġġ, b’nuqqas ta’ ilma, sistema tal-elettriku xejn adegwata għall-pajjiż, sistema tat-telefon tat-tielet dinja.
Perjodu ta’ assassinju politiku, ta’ tnaqqir ta’ demokrazija, ta’ theddid kontra kull min ma jaqbilx mal-Gvern, ta’ tkissir u ħruq tat-Times of Malta, tkissir tad-dar ta’ Eddie Fenech Adami. Kienu wkoll snin meta l-pagi u l-pensjonijiet intefgħu fil-friża għal ħames snin u nofs. Kienu snin li matulhom is-saltna tad-dritt marret lura iżda fl-aħħar, wara l-assassinju taż-żagħżugħ Raymond Caruana, feġġ xaqq dawl meta saru emendi għall-Kostituzzjoni li taw lil min jikseb 50 fil-mija tal-voti u wiegħed il-possibbiltà li jiggverna anke jekk ma jkollux maġġoranza ta’ siġġijiet.
1987-2013
Il-bidla tal-Gvern f’Mejju 1987 ġabet magħha bidla f’kollox. Ġabet magħha arja friska f’kollox. Taħt it-tmexxija ta’ Eddie Fenech Adami, u warajh Lawrence Gonzi, pajjiżna rristruttura l-ekonomija. Minflok jaħtaf taħt idejh setturi ekonomiċi, banek u impriżi, Gvern Nazzjonalista neħħa minn taħt il-kontroll tal-Gvern azjendi, banek, xandir u setturi oħra. Fetaħ is-suq u illiberalizza l-kummerċ u x-xandir.
L-infrastruttura ngħatat spinta qawwija bil-bini ta’ power station ġdida f’Delimara, bit-tisħiħ tas-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku, bl-interconnector bejn Malta u l-Italja, bil-bini ta’ impjanti għad-desalinizzazzjoni tal-ilma, b’sistema moderna tat-telefon, b’masterplan tad-drenaġġ u bini ta’ impjanti għat-tisfija tad-drenaġġ kollu qabel jintefa’ l-baħar. Bil-bini ta’ Air Terminal, Sea Passenger Terminal u Cruise Liner Terminal. Gvern li biddel wiċċ Malta ta’ taħt fuq.
Is-settur tas-saħħa ngħata spinta qawwija ’l quddiem bil-bini tal-Isptar Mater Dei u l-Isptar tal-Onkoloġija. Fis-settur tal-edukazzjoni mhux biss tkabbret l-Università, infetaħ mill-ġdid l-Istitut għall-Istudji Turistiċi u nbnew skejjel moderni, iżda ntlaħaq ftehim mal-iskejjel tal-Knisja biex dawn ikunu megħjunin. Barra minn hekk l-istudenti bdew jingħataw l-istpendji.
Malta ma baqgħetx iktar pajjiż tat-Tielet Dinja iżda ngħaqdet mal-pajjiżi żviluppati rispettata minn kulħadd.
Fil-qasam ekonomiku pajjiżna għamel passi kbar ’il quddiem b’setturi industrjali ġodda, b’bini ta’ lukandi ta’ ħames stilel li fetħu s-suq tal-konferenzi li jikkontribwixxu sostanzjalmet għat-turiżmu tal-kwalità u b’niċeċ ġodda. Introduċa l-low cost airlines li għenu mhux ftit biex inżommu ħaj is-settur turistiku. Pajjiżna nfetaħ għas-settur tas-servizzi finanzjarji u igaming.
Is-sħubuija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea tatna suq ta’ 500 miljun. Is-sħubija fiz-zona ewro għenet mhux ftit is-settur turistiku tal-pajjiżi li minnhom jiġu t-turisti.
Dan kollu seħħ filwaqt li ħadd ma tħalla lura b’żidiet fil-pagi, pensjonijiet u servizzi soċjali u b’leġiżlazzjoni li saħħet il-qafas soċjali ta’ pajjiżna.
Wara l-2013
X’seħħ wara l-2013 għadu frisk f’moħħ kulħadd. Kien hemm il-pożittiv u kien hemm in-negattiv. Fuq in-naħa pożittiva kien hemm il-Qrati li bil-ħidma tagħhom is-saltna tad-dritt tkun imħarsa. L-Ombudsman, l-Awditur Ġenerali u l-Kummissarju tal-Etika fil-Ħajja Pubblika baqgħu jmexxu mingħajr biża’ u favuri. Fl-istess waqt il-Gvern, permezz ta’ ħatriet li jaraw biss il-kulur, kompla jkabbar il-kontroll tiegħu fuq kollox.
Mhux kollox ward u żahar
Fl-aħħar 61 sena ta’ Indipendenza mhux dejjem kien kollox ward u żahar. Kien hemm mumenti fejn is-sistema demokratika kienet taħt attakk. Iżda l-poplu dejjem kien viġilanti għaliex nafu li s-sovranità hi tal-poplu u mhux ta’ xi partit politiku li jintgħażel biex imexxi l-Gvern.
Dak li tenna Ġorġ Borg Olivier fil-21 ta’ Settembru 1964 nemmen li qed inwettquh anke jekk mhux dejjem kif jixtieq kulħadd. Qed naħdmu biex min jiġi warajna ma jkunx agħar minna. L-ideali hu li f’kollox irid jinżamm kontroll. Kollox irid isir fil-parametri tal-liġi. Kollox irridu nagħmluh għaliex nemmnu li l-akkwist tal-Indipendenza fetħitilna toroq ġodda li ma għandna nħallu lil ħadd jostakolahom.
Għada niċċelebraw flimkien mal-Partit Nazzjonalista dan il-jum storiku. Il-Ħadd, il-jum tal-21 ta’ Settembru, il-pajjiż jiċċelebra uffiċjalment dan l-anniversarju.
It-toroq li fetħitilna l-Indipendenza ma għandna nħallu lil ħadd jostakolahom
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ġimgħa 19 ta’ Settembru, 2025.
//= $special ?>