Il-preżentaturi tal-programmi tat-televiżjoni favoriti ma’ miljuni ta’ Amerikani ħarġu jiddefendu lil Jimmy Kimmel, il-komiku u talk-show host famuż li spiċċa sospiż mill-Istazzjon ABC għall-kummenti tiegħu dwar il-qtil, jiem ilu, tal-influencer konservattiv Charlie Kirk.
L-influencer kontroversjali, alleat kbir tal-President Trump, inqatel waqt li kien qed jiddibatti mal-istudenti fl-università ta’ Utah — u bil-qattiel suspettat, li nqabad ftit wara, kapaċi jeħel il-piena kapitali jekk jinstab ħati dwar l-omiċidju.
Sadanittant, il-Gvern ta’ Trump qed imexxi kampanja intensiva kontra kulmin, permezz ta’ stqarrijiet u messaġġi, qed jinsulentaw jew jiddisrispettawil-memorja ta’ Kirk fuq it-televiżjoni u l-media soċjali….Kampanja li ħafna osservaturi qed ifissruha bħala attakk dirett u awtokratiku fuq il-media u l-espressjoni ħielsa fl-Istati Uniti…Dan meta lanqas mhi permessa s-satira li l-Gvern iqisha bħala xi ħaġa ‘insensittiva’ f’dawn iċ-ċirkustanzi.
Sadanittant, l-aktar xandara segwiti tkellmu favur Kimmel u d-dritt għall-espressjoni ħielsa wara li l-President Trump qal li n-networks ewlenin huma eżaġeratament negattivi dwar Charlie Kirk – fost it-theddid li dawn in-networks kapaċi jitilfu l-liċenzji biex joperaw fis-settur tal-media.
Ix-xandar u personalità, Stephen Colbert, li hu mira ewlenija għal Trump, qal li t-tneħħija ta’ Kimmel mill-istazzjon ABC għandha titqies bħala attakk dirett fuq il-libertà tal-kelma’.
Fl-istess ħin, personalitajiet televiżivi oħra bħal Seth Meyers, Jimmy Fallon u Jon Stewart iddikjaraw li jħossuhom privileġġjati talli jistgħu jirreferu għal Jimmy Kimmel bħala ħabib.
Dan waqt li huma, fl-aħħar sigħat, ippreżentaw numru ta’ sketches komiċi għat-televiżjoni fejn qed ikunu sfurzati biex ifaħħru lill-President Trump fost iċ-ċirkustanzi l-aktar banali.
//= $special ?>