Lokali

Wirja tal-artist Rabti Michael Agius f’Palazzo Xara bejn l-20 u t-28 ta’ Settembru

Palazzo Xara, sede storika tal-Każin tal-Banda L’Isle Adam fir-Rabat, se jilqa’ wirja mill-artist Rabti Michael Agius bejn l-20 u t-28 ta’ Settembru 2025.

Din l-esebizzjoni qed tkun organizzata mill-Arċikonfraternita’ ta’ San Ġużepp u l-Għaqda Mużikali L’Isle Adam, flimkien mal-Familja Agius, b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali tar-Rabat. Il-wirja hija wkoll parti mill-programm kulturali Rabat Sacrum, li ser jinbeda permezz ta’ żewġ appuntamenti: nhar is-Sibt, 20 ta’ Settembru mill-7:00pm ’il quddiem u l-Ħadd, 21 ta’ Settembru mit-8:30am sas-1pm.

Michael Agius (1945–2023) trabba fl-akwati tal-Knisja Ta’ Ġieżu u s-Santwarju ta’ San Ġużepp fir-Rabat. Kien ħu l-iskultur nazzjonali, il-mibki Profs. Anton Agius, u tgħallem ħafna mill-arti u l-iskultura taħt idejh. Huwa serva għal bosta snin fil-Kumitat Eżekuttiv tal-Banda L’Isle Adam u kien magħruf għall-kontribut tiegħu fil-komunità Ġużeppina.

L-akbar xogħol tiegħu jibqa’ s-suffitt u l-frież tal-maestuża sala ta’ Palazzo Xara, li għamilhom minn qalbu u b’volontarjat. Barra minn hekk, ħadem diversi opri oħra, fosthom il-bust tas-Surmast Philip Gatt u żewġ bustijiet ta’ kompożituri mondjali li ppreżenta bħala rigal fil-festa tal-2022.

Matul is-snin ħadem ukoll fuq l-armar ta’ barra tal-festa ta’ San Ġużepp, speċjalment fi Triq San Pawl, kif ukoll fuq xogħlijiet ta’ restawr u dekorazzjoni fis-Santwarju ta’ San Ġużepp. Huwa kien responsabbli wkoll mid-disinn tal-irħama kommemorattiva tal-150 sena mit-twaqqif tal-Banda L’Isle Adam.

Michael miet fl-età ta’ 78 sena nhar l-10 ta’ Novembru 2023, u l-aħħar tislima saret fit-13 ta’ Novembru fil-Knisja Ta’ Ġieżu fir-Rabat.

Din il-wirja hija ġieħ lill-ħajja u l-arti tiegħu, kif ukoll opportunità għal kulħadd biex japprezza l-wirt kulturali u artistiku li ħalla warajh.