“Bil-perseveranza u bil-kuraġġ negħlbu kull ostaklu quddiemna”.
Hekk iddikjara l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg fl-ewwel diskors tiegħu fil-festi tal-Indipendenza bħala Kap fi Pjazza Tritoni l-Belt Valletta s-Sibt filgħaxija.
Alex Borg spjega li fil-ġranet li ġejjin se jkun qed iħabbar numru ta’ proposti b’rabta mal-housing affordabbli, dwar is-saħħa preventiva, fis-saħħa mentali, fi trasport effiċjenti. Huwa se jkun qed joħloq ukoll inċentivi li jattiraw turisti ta’ kwalita, inċentivi li jtaffu l-piż tal-inflazzjoni minn fuq il-poplu Malti u Għawdxi dan filwaqt li se jkun qed ipoġġi wkoll lil Għawdex bħala prijorita.


Huwa appella wkoll sabiex il-Gvern jekk verament għandu għall-qalbu l-ambjent, jimplimenta l-private members’ bill mressqa mill-Partit Nazzjonalista sabiex l-ambjent isir dritt fundamentali taċ-ċittadin Malti u Għawdxin. Filwaqt li anke appella sabiex il-Gvern jisma’ lill-poplu fejn jidħol l-ippjanar – b’mod speċjali fil-liġi mressqa mill-Gvern sabiex jiġu emendati l-liġijiet tal-ippjanar.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista beda d-diskors tiegħu billi sellem lil żewġ kapijiet li ħarsu lejn il-futur u li raw li jistgħu jagħmlu lill-gżejjer Maltin aħjar għall-poplu, lil missier Malta Indipendenti George Borg Olivier u lil missier Malta Ewropea Eddie Fenech Adami.
Fl-ewwel diskors li wassal fil-festi tal-Indipendenza bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista, fi Pjazza Tritoni s-Sibt filgħaxija, Alex Borg spjega li l-legat tal-Partit Nazzjonalista huwa wieħed li qed jibni fuqu. Fejn spjega li l-Partit Nazzjonalista huwa magħruf bħala partit tal-futur u partit tan-nazzjon. Fejn spjega li l-poplu Malti u Għawdxi huwa għatxan, li jrid jara enerġija żgħażugħa u enerġija pożittiva bil-Partit Nazzjonalista fit-tmun.
Huwa tenna, li l-politika hija waħda ta’ aħmar u abjad, il-kuluri tal-bandiera Maltija. Fejn anke spjega li isem il-Partit Nazzjonalista minnu nnifsu jfisser l-imħabba lejn in-nazzjon, lejn il-pajjiż.

Fid-diskors tiegħu, huwa spjega li huma l-eluf ta’ nies li ma jivvotawx jew li tilfu l-fiduċja politika, persuni li huma Maltin u Għawdxin, illi ma jappartjenux ma’ partit wieħed. Iżda, flimkien, il-Partit Nazzjonalista jista’ jattira lil dawn iċ-ċittadini u jtihom pajjiż li jistgħu jgħixu fih, bi kwalita ta’ ħajja aħjar.
Huwa propju għalhekk li se jkun qed ikompli jaħdem sabiex jattira lil kulħadd, minn kull sfera fis-soċjeta tagħna, lil dawk li għadhom il-bogħod mill-Partit Nazzjonalista. Fejn iddikjara li l-għedewwa tal-Partit Nazzjonalista huma dawk biss li jagħmlu l-ħsara lill-pajjiż Malti u Għawdxi.
Huwa spjega li l-Partit Nazzjonalista se jgħaqqad in-nazzjon, il-pajjiż sabiex jagħti rebħa elettorali lill-poplu Malti u Għawdxi. Hekk kif dan huwa l-mument tal-poplu Malti u Għawdxi, tal-Partit Nazzjonalista iddikjara Alex Borg.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista anke spjega li mill-jum li ġie elett Kap tal-Partit Nazzjonalista huwa ma waqafx jisma’ lill-NGO’s, lill-imsieħba soċjali u liċ-ċittadini kollha.

Alex Borg spjega li l-Partit Nazzjonalista għandu jkun kburi bil-passat tiegħu, iżda għandu jħares il-quddiem sabiex jinbena l-pajjiż ta’ għada quddiem Gvern li jibża’ mill-verita. Fejn elenka l-iskandlu xokkanti tal-Fortina, fejn l-Awditur Ġenerali ppreżenta rapport ta’ mitejn paġna li fihom huwa indikat is-serq li seħħ minn ħalq il-poplu Malti u Għawdxi.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar kif kienu propja 16-il miljun ewro li nsterqu mill-poplu Malti u Għawdxi. Fejn huwa spjega li fl-ewwel jum tiegħu fil-Parlament bħala Kap tal-Oppożizzjoni għażel in-naħa tal-poplu Malti u Għawdxi bħal ma sar dejjem.
Huwa anke ddikjara li dan huwa l-mument tan-negozji, tal-anzjani, tal-poplu Malti u Għawdxi u taż-żgħażagħ.
Alex Borg irringrazzja wkoll lil Adrian Delia u lil dawk kollha li vvutawlu fl-elezzjoni interna għal Kap ġdid. Fejn appella sabiex issa kulħadd, b’għan wieħed il-partit jimxi ‘l quddiem.
