Lokali

“Dan hu l-mument li flimkien nimxu din il-mixja għal pajjiżna” – Is-Segretarju Ġenerali Charles Bonello

Ritratti: Joseph Galea / Martin Agius

“Dan huwa l-mument li flimkien nimxu din il-mixja għal pajjiżna”.

Hekk stqarr is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Charles Bonello fid-diskors li wassal meta ndirizza l-folla preżenti fi Pjazza Tritoni s-Sibt filgħaxija.

Charles Bonello spjega kif il-poplu Malti u Għawdxi huwa poplu serju, bieżel. Għalhekk ħaqqu Gvern li ma jħammiġx iżjed ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna lil hinn minn xtutna, Gvern li farrak pajjiż li tant huwa maħbub miċ-ċittadini.

Fid-diskors tiegħu, Charles Bonello tenna li l-Partit Nazzjonalista, b’vuċi soda, b’għaqda u b’għan wieħed huwa lest sabiex imexxi l-pajjiż lejn wieħed li verament jixirqilhom iċ-ċittadini Maltin u Għawdxin.

Huwa anke rringrazzja lil eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech tal-ħidma kollha tiegħu tul il-ħames snin ta’ tmexxija tiegħu. Fejn anke spjega, li matul it-tliet xhur ta’ kampanja interna, il-Partit Nazzjonalista wera kif wieħed jista’ jagħmel elezzjoni b’għaqda.

Charles Bonello spjega li din l-elezzjoni wriet, li l-arma tal-Partit Nazzjonalista tgħaqqad lil dawk kollha li jemmnu bil-valuri tal-Partit Nazzjonalista – fejn anke ta’ mertu liż-żewġ kandidati għal din l-elezzjoni interna serena; il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg u d-deputat Adrian Delia.

Is-Segretarju Ġenerali tenna li issa huwa l-mument li wara l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg inkomplu t-triq għall-pajjiżna, hekk kif dan huwa l-mument li kull wieħed u waħda minnha jaħdem bla waqfien sabiex inkomplu nirbħu l-qlub ta’ ħutna Maltin u Għawdxin.

Huwa kompla jispjega li l-Partit Nazzjonalista għandu jibqa’ jwassal messaġġ ta’ tama, favur pajjiżna, fejn kull Malti u Għawdxi jkun jista’ jgħix aħjar. Fejn kompla jispjega li kulħadd jeħtieġ jemmen li l-Partit Nazzjonalista kapaċi jsalva lil dan il-pajjiż, għaliex dan hu l-mument li flimkien bħala Partit Nazzjonalista wieħed nimxu din il-mixja għall-pajjiżna.

Charles Bonello irringrazzja wkoll lid-deputati u kandidati kollha tal-Partit Nazzjonalista, lill-amminnistrazzjoni tal-Partit, lis-Sindki u l-kunsilliera, lill-kumitati, lill-impjegati u l-voluntiera. Huwa wkoll irringrazzja lil dawk kollha li attendew għal dan il-meeting.