Id-Deputat Prim Ministru Ian Borg qed jibqa’ jgħid li hu, flimkien mas-Segretarju Parlamentari Chris Agius, ma kellhomx idea tal-aħħar rapport ta’ valutazzjoni rigward il-Fortina fejn kumplessivament kien stmat li jlaħħaq mat-€23 miljun.
F’kollegament telefoniku ma’ Andrew Azzopardi fuq Campus FM Ian Borg saħaq li kien intqal lilhom li din l-istima kienet għadha ma tlestietx u baqgħet ma ngħatatx. Madanakollu fix-xhieda tiegħu mal-NAO intqal li dak li Borg kien qed jgħid kien xi ftit kontradittorju hekk kif kien intqal lilhom li din l-istima kellha xi żbalji u b’hekk la darba kienet konfermata li kien hemm dawn l-ineżattezzi…xi ħaġa kien hemm lesta.
Ian Borg spjega li filwaqt li għanu fiduċja fl-NAO l-parlament għad irid jara t-€8 miljuni mħallsa mill-privat u mitluba mill-Gvern kienx prezz xieraq jew le.
Il-Ministru saħaq li din mhux kwistjoni li għaddhiet minn taħt imnieħer kulħadd – madanakollu naqas milli jsemmi li fix-xhieda l-NAO sab li l-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri, kien konxju minn din il-valutazzjoni ċioè…il-Gvern kien jaf b’dan kollu.
Intant f’intervent separat, ix-Shadow Minister Darren Carabott saħaq li l-Gvern ta’ skont ta’ 66% minn flus il-poplu u li l-familji Maltin u Għawdxin ħaqqhom aħjar.
Huwa spjega li l-Partit Nazzjonalista talab sabiex il-Gvern jaħtar Inkjesta Pubblika, filwaqt li saħaq li jittama li l-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà beda bl-investigazzjonijiet tiegħu u ma qgħadx jistenna l-eżitu tal-NAO – intant insista li l-Partit Nazzjonalista mhux biss qed jistenna li jintradd lura kull ċenteżmu iżda għandhom jittieħdu passi fil-konfront ta’ min żbalja u ħadem kontra l-interess tal-poplu.
//= $special ?>