Sede ġdida għall-Għaqda Mużikali San Leonardu inawgurat sede ġdida fl-okkażjoni tal-festa ta’ din is-sena li għal sena oħra qed issir bejn il-15 u l-21 ta’ Settembru – festa li tagħlaq l-istaġun sajfi tal-festi Maltin.
Wara deċennji ta’ qtiegħ il-qalb li ssarrfet fi snin ta’ impenn, għaqal u sagrifiċċji straordinarji, għall-ewwel darba fl-istorja tagħha din l-għaqda għandha dar li tista’ ssejjaħ tagħha. U kif wieħed jista’ japprezza għamlet l-almu tagħha kollu biex tara f’dan kollu opportunità ta’ tiġdid.
Fl-ispirtu ta’ għaqda u volontarjali l-Għaqda Mużikali San Leonardu ħadmet fuq kunċett kontemporanju fil-bini tad-dar il-ġdida tagħha. L-għan wara dan kollu m’huwiex biss binja sabiħa u funzjonali, iżda fuq kollox każin tal-banda li jħares ‘il quddiem u jaspira li jagħmel minn din il-binja, ċentru relevanti għall-komunità ta’ Ħal Kirkop.
Kelliema għall-għaqda saħqu li huma qed jimpenjaw ruħhom sabiex tagħmel minn din is-sede ċentru ħaj li jattira dejjem aktar familji u żgħażagħ. B’hekk biss tista’ tagħraf tiġġedded u tħares ‘il quddiem b’ottimiżmu.
Din is-sede l-ġdida tal-Għaqda Mużikali San Leonardu ġiet inawgurata fit-13 ta’ Settembru 2025 mill-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono u mbierka mill-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna.
//= $special ?>