Il-Prim Ministru Olandiż, Dick Schoof , ikkundanna l-vjolenza ta’nhar is-Sibt f’The Hague, fejn il-gruppi tad-dimostranti kontra l-immigrazzjoni infexxew f’atti ta’ intimidazzjoni u vandaliżmu – b’uħud anki jagħtu n-nar lil karozza tal-pulizija. Il-protesta kienet organizzata minn attivist tal-lemin u l-folla insistiet għal politika aktar stretta rigward l-immigrazzjoni, minbarra kontrolli riġidi għal kulmin qed jipprova jikseb il-kenn politiku fl-Olanda.
Il-forzi tal-liġi kellhom jużaw il-gass tad-dmugħ u l-kanuni tal-ilma biex irażżnu lill-folol, bil-pulizija tarresta ‘il fuq minn 30 persuna. Weġġgħu wkoll diversi uffiċjali tal-pulizija waqt il-konfronti mad-dimostranti li bdew igarawlhom il-ġebel u l-fliexken.
Fl-eqqel tal-inkwiet, madwar 1,500 dimostrant imblukkaw triq prinċipali li tagħti minn tarf sa tarf ta’ The Hague, fost it-tensjoni akuta u t-twissijiet tal-awtoritajiet biex in-nies jibqgħu ‘il bogħod miz-zona tal-inkwiet.
Sadanittant, Geert Wilders, il-mexxej tal-lemin radikali li hu favorit li jsir il-Prim Ministru ġdid tal-Olanda ma attendiex għad-dimostrazzjoni f’The Hague. Madankollu, hu wkoll ikkundanna l-vjolenza kontra l-pulizija bħala totalment inaċċettabbli.
//= $special ?>