Lokali

Malta Indipendenti – pajjiżna jfakkar din il-kisba storika

Pajjiżna iċċelebra l-61 anniversarju minn meta kiseb l-Indipendenza.

Matul il-jum, il-poplu Malti u Għawdxi iċċelebra din il-kisba tant importanti għan-nazzjon tagħna. Dan hekk kif l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż poġġew kuruni ta’ fjuri f’riġlejn il-monument fil-Furjana li jfakkar il-kisba tal-Indipendenza – mument li mmarka wkoll l-ewwel ċerimonja ta’ dan it-tip minn mindu Alex Borg ħa l-kariga ta’ Kap tal-Oppożizzjoni u Kap tal-PN.

Tislima ingħatat ukoll mill-President tar-Repubblika Myriam Spiteri Debono, u mill-Aġent Prim Ministru Owen Bonnici – fl-assenza tal-Prim Ministru, li jinsab New York.

Din il-ġurnata fakkret il-kisba storika tal-eks Prim Ministru Gorg Borg Olivier, meta 61 sena ilu rajna l-bandiera tar-Renju Unit nieżla uffiċjalment biex minflokha titla’ l-bandiera Maltija – kisba tal-PN li wittiet it-triq għat-twelid ta’ Malta moderna.

Aktar kmieni, waqt l-omelija tal-quddies tal-Indipendenza li saret fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, l-Isqof Awżiljrju Joseph Galea Curmi tkellem dwar ir-responsabbilta fuq spallejn dawk kollha li jmexxu lil pajjiżna.

Intant, matul il-jum tas-Sibt il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Perici Calascione ukoll poġġa kuruna ta’ fjuri biswit il-monument tal-Indipendenza. Preżenti kien hemm is-Segretarju Ġenerali tal-PN Charles Bonello, it-tmexxija tal-partit, u numru ta’ deputati u kandidati tal-PN.

Ritratti: Catriel Farrugia Sghendo