Irridu nagħtu rebħa lill-poplu kollu – għaliex fi kliem Alex Borg, dan huwa l-mument għall-PN u għal pajjiżna.
Fi Pjazza Tritoni, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg indirizza l-ewwel Mass Meeting tiegħu fil-qofol tal-Festi tal-Indipendenza. U quddiem folla kbira ta’ nies huwa saħaq illi kull min kien preżenti wassal messaġġ b’saħħtu li jista’ jispira l-pajjiż – għajta li dan il-partit mhux biss jista’ jnaqqas id-distakk iżda kapaċi jikseb is-suċċess; tiġi meta tiġi l-elezzjoni ġenerali. Għaliex il-poplu irid bidla fid-direzzjoni.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg sellem lil Missier Malta Indipendenti u Missier Malta Ewropea – l-eks Kapijiet tal-Partit Nazzjonalista George Borg Olivier u Eddie Fenech Adami. Fejn saħaq li hu kburi li se jkun qiegħed imexxi dan il-partit tant glorjuż – filwaqt li sellem lill-eks kapijiet tal-Partit Nazzjonalista Lawrence Gonzi, Simon Busuttil, Adrian Delia u Bernard Grech.

Hu semma’ kif stħarriġ wieħed wara l-ieħor qed jindika biċ-ċar li hemm eluf ta’ nies li jew ma jivvotawx jew li tilfu l-fiduċja fil-politika – iżda fl-istess waqt, dan huwa pajjiż li jinsab ukoll għatxan għal tama ġdida. U għalhekk insista li jrid jgħaqqad f’alleanza nazzjonali lil kull min hu ta’ rieda tajba.
Huwa saħaq li l-PN m’hu fil-but ta’ ħadd u li l-vuċi tal-Partit Nazzjonalista hija l-vuċi tal-partit biss; aġenda mmirata għal ġid tal-poplu Malti u Għawdxi.

Alex Borg rringrazzja lid-Deputat Adrian Delia tal-lealtà lejn il-Partit Nazzjonalista u lejn il-pajjiż. U insista li bħala grupp magħqud se jimxu ‘l quddiem għal ġid tal-pajjiż.
Quddiem il-folla preżenti, Alex Borg saħaq li l-Partit Nazzjonalista jrid iħares ‘il quddiem sabiex flimkien nibnu l-Malta u Għawdex ta’ għada.

Hawn, hu insista li mhu se jħalli lil ħadd jisfrutta lil Għawdex. Filwaqt illi fakkar kif fil-jiem li għaddew il-Partit Nazzjonalista għamel rebħa fil-Parlament b’rabta ma’ ħadma oħra ta’ amministrazzjoni Laburista fir-rigward tad-deal tal-Fortina.
Alex Borg stqarr li fil-jiem u l-ġimgħat li ġejjin il-Partit Nazzjonalista se jkun qiegħed jippreżenta numru ta’ proposti – partikolarment b’rabta mat-traffiku, t-turiżmu, l-għoli tal-ħajja, kif ukoll mas-saħħa b’mod speċjali f’dak li għandu x’jaqsam is-saħħa mentali.
Il-mass meeting intemm bid-daqq tal-innu Malti, u t-tislima xierqa lil Malta Indipendenti – fil-61 anniversarju minn din il-kisba.
//= $special ?>