Bħala parti mill-programm ta’ attivitajiet sportivi tal-festi tal-Indipendenza li qed jorganizza l-Partit Nazzjonalista din is-sena, għal darb’oħra reġgħet kienet organizzata numru ta’ kompetizzjonijiet tal-isparar, b’kollaborazzjoni minn Tim Sport Partit Nazzjonalista u l-Federazzjoni tal-Isparar.
Filgħodu, saret l-event tat-Trap fix-Shooting Range f’Ta’ Kandja. Emmanuel Bugeja rebaħ din il-kompetizzjoni meta fix-shoot-off finali, hu għeleb l-isfida ta’ Brian Galea li temm fit-tieni post. Fit-tielet post fl-event tat-Trap, ikklassifika t-tiratur, William Chetcuti.
Aktar tard, wara nofs in-nhar, din id-darba fis-Shooting Range tal-Bidnija, inżammu aktar kompetizzjonijiet, din id-darba tal-event Down The Line (DTL), fejn kelna rebbieħa f’tliet klassijiet differenti.
F’Klassi A, dik overall, ir-rebbieħ kien Sean Garinisi. Andre Agius rebaħ l-event DTL f’Klassi B filwaqt Jeremy Vassallo kiseb l-akbar ammont ta’ punti fost il-parteċipanti ta’ Klassi C, biex temm fl-ewwel post.
Preżenti għal din il-ġurnata ta’ kompetizzjonijiet tal-isparar li TSPN organizzat flimkien mal-Federazzjoni tal-Isparar, kien hemm tnejn mill-uffiċjali tal-Partit, is-Segretarju Ġenerali, Charles Bonello u s-Segretarju Eżekuttiv Organizzattiv, Stefan Caruana, ix-Shadow Minister tal-Oppożizzjoni għall-Isport, l-Onorevoli David Agius u l-għola uffiċjali ta’ Tim Sport Partit Nazzjonalista.
//= $special ?>