Lokali

Raġel fil-periklu tal-mewt wara sparatura fil-Birgu

Raġel ta’ 33 sena residenti Bormla, jinsab fil-periklu tal-mewt, wara li kien involut f’arġument li eskala fi sparatura.  L-allegat aggressur għandu 70 sena u jgħix il-Birgu stess.

Kollox jidher li beda wara li ż-żewġ irġiel bdew jgħeddu lil xulxin. Kien hawn fejn l-anzjan ħareġ arma tan-nar u spara lejn il-vittma u laqtu fil-ġenb tal-istonku tiegħu. Il-vittma instab ferut f’kommun ta’ appartament fi Triq il-Qalb ta’ Ġesu fil-Birgu, filwaqt li l-aggressur ħarab mill-post però inqabad mill-pulizija ftit mumenti wara u qiegħed jinżam arrestat.

Il-Pulzija indikaw ili l-vittma u l-allegat agressur mhumiex qraba ta’ xulxin. Dan filwaqt li l-arma tan-nar, instabet u qed tiġi investigata mill-Forensic Unit.

Il-każ seħħ għall-ħabta ta’ siegħa ta’ waranofsinhar u fil-post issejħu Uffiċċjali tal-Pulizija, tim mediku tal-ambulanza kif ukoll membri tal-Forensic Unit.

Il-Magistrat Monica Borg Galea fethet inkjesta filwaqt li l-pulizija għaddejien bl-investigazzjoni tagħhom.