Lokali

“Skandlu ieħor li ma jistax jiġi injorat” – L-editorjal ta’ The Malta Independent

“Dan huwa timbru ieħor fuq il-Labour, u fuq l-amministrazzjoni ta’ Joseph Muscat”

Hekk saħaq l-editorjal ta’ The Malta Indepdent fejn il-Ħadd tkellmet fuq l-investigazzjoni li saret mill-uffiċċju tal-Awditur Ġenerali b’rabta mal-iskandlu tal-Fortina, hekk kif il-poplu insteraq miljuni ta’ ewro.

Dan l-editorjal saħaq kif dawn l-flus setgħu faċilment jgħinu l-familji Maltin u Għawdxin jixtru l-ewwel propjetà tagħhom; xi ħaġa li ankè l-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem dwarha.

L-investigazzjoni li saret mill-uffiċċju tal-Awditur Ġenerali kkonferma kif dan l-ftehim sar b’tali mod sabiex jiffavorixxi entità privata flok l-interess pubbliku.

L-editorjal qal ukoll li qed jistenna lill-Gvern ta’ Abela juru rieda tajba. U ddeskriva ir-reazzjoni tal-Gvern bħala waħda diżappuntanti, bili prova jitfa’ t-tort fuq l-Awtorità tal-Artijiet biss.

Barra minn hekk, l-editorjal saħaq li issa min hu fil-poter irid jgħaddi mill-kliem għall-fatti, hekk kif il-poplu qed jistenna lill-Gvern jieħu azzjoni, bili juru kontabbiltà, jirriforma l-Awtorità tal-Artijiet u jirritorna l-flus misruqa.

Dan ir-rapport tan-NAO mhuwiex sempliċiment dokument ieħor, imma huwa turija ta’ sistema politika li qed tħares lejn l-interessi tal-ftit flok tal-poplu. U jekk ma jkun hemm ebda azzjoni, il-Gvern juri biċ-ċar li ma jkun tgħallem xejn.

L-Independent insistiet li wara dan l-iskandlu, il-poplu Malti qed jistenna ġustizzja u spjegazzjoni ċara.