F’Stade Geoffroy Guichard, f’Saint-Étienne fi Franza l-bieraħ lagħbu kontra xulxin f’partita mill-isbaħ żewġ plejers internazzjonali Maltin. Fuq naħa, l-attakkant Irvin Cardona ta’ Saint-Étienne u fuq in-naħa l-oħra, Teddy Teuma ta’ Stade Reims.
Saint-Étienne rebħu 3-2 biex issa jinsabu waħedhom fl-ewwel post ta’ Ligue 2, b’Cardona u Teuma jkunu fost il-protagonisti f’din il-logħba divertenti u saħanistra t-tnejn bdew il-logħba mil-bidu. Cardona lagħab 74 minuta filwaqt li Teuma lagħab il-konfront sħiħ u skorja ż-żewġ gowls ta’ Reims.
Fis-27 minuta, Saint-Étienne fil-vantaġġ, b’gowl ta’ Lucas Stassin minn assist tal-Malti, Cardona.
Qabel tmiem l-ewwel taqsima, kelna gowl fuq kull naħa biex l-ewwel taqsima ntemmet 2-1 favur Saint-Étienne. L-ewwel kienu Reims li skorjaw meta rebħu penalty li mil-11-il metru mar biex jinkariga ruħu, Teuma, li żbaljax għal skor momentajru ta’ 1-1.
Fil-45 minuta, eżatt qabel it-tmiem tal-ewwel taqsima, Stassin reġa’ poġġa lil Saint-Étienne fil-vantaġġ għal skor ta’ 2-1.
Fit-tieni taqsima, Saint-Étienne komplew ikunu l-aħjar u wara erba’ minuti mil-bidu tat-tieni 45 minuta, Igor Miladninovic skorja l-gowl tat-3-1.
Madankollu Stade Reims ma ċedewx u fid-69 minuta, reġgħu daħlu fil-partita, b’gowl tal-istampi, skorjat minn barra ‘l kaxxa mill-internazzjonali Malti, Teuma li ta bilħaqq kompla juri l-kwalitajiet mill-aqwa tiegħu u d-differenza li kapaċi jagħmel fit-tim li xorta tilef il-logħba u issa jinsab fis-seba’ post tal-klassifika wara sitt partiti.
//= $special ?>