Internazzjonali

Tlett potenzi tal-punent jirrikonoxxu lill-Istat tal-Palestina

Ir-Renju Unit – permezz tal-Prim Ministru Keir Starmer ikkonferma r-rikonoxximent uffiċjali tal-Istat tal-Palestina….Dan wara li l-Kanada saret l-ewwel pajjiż-membru tal-G7  li konferma l-istess pass storiku…Pass li kien segwit ukoll mill-Awstralja.

Fost l-ewwel kelliema f’Londra kien hemm il-Viċi-Prim Ministru Britanniku, David Lammy, li tenna li ‘illum wasal iż-żmien biex il-pajjiżi jappoġġjaw is-soluzzjoni għal-Lvant Nofsani magħrufa bħala taż-Żewġ Stati….Soluzzjoni li tesiġi għall-koeżistenza ta’ Iżrael u l-Istat Palestinjan, maġenb xulxin.

Waqt li kien qed jitkellem dwar ir-rikonoxximent tal-Istat Palestinjan, Keir Starmer ukoll irrefera għal din is-soluzzjoni u l-ħtieġa għall-passi li jistimolaw it-tamiet għall-paċi bejn Iżrael u l-Palestinjani.

Starmer enfasizza li dan ir-rikonoxximent ma jridx jitqies bħala premju għat-terroristi tal-Ħamas li għadhom qed jikkontrollaw l-artijiet f’Gaza u li qed iżommu numru ta’ ostaġġi Iżraeljani.

Fl-istess ħin, il-Prim Ministru Britanniku sejjaħ għall-ħelsien immedjat ta’ dawn l-ostaġġi u biex il-Gvern Iżraeljan ineħħi r-restrizzjonijiet għall-movimenti tal-għajnuna lill-Palestinjani f’Gaza…Għajnuna li trid tgħaddi bilfors mill-fruntieri tat-territorju li qed tkun ikkontrollata minn Iżrael.

Sadanittant, Iżrael qed jgħid li l-għarfien tal-Istat tal-Palestina mhu xejn għajr rikonoxximent għall-fanatiċi tal-Ħamas. Dan meta l-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu, ilu jikkritika lill-pajjiżi li huma favur ir-rikonoxximent tal-Palestina bħala Stat u li skont hu, qegħdin jaħsbu biex jippremjaw it-terrur tal-Ħamas.

Il-Ministeru Iżraeljan għall-Affarijiet Barranin sostna, fl-aħħar sigħat, li l-Kapijiet tal-Ħamas infushom qed jgħidu li r-rikonoxximent tal-Istat tal-Palestina seta’ isir grazzi għall-massakri li wettqu t-terroristi tal-grupp matul l-invażjoni storika ta’ Iżrael, fis-7 ta’ Ottubru tal-2023.

Bħalissa wkoll qed tkompli l-offensiva kbira tal-Armata Iżraeljana fuq il-Belt ta’ Gaza fejn għad hemm il-bejtiet tal-Ħamas…Dan waqt li l-Palestinjani fit-territorju qed jittamaw li aktar pajjiżi Ewropej għandhom jirrikonoxxu lill-Istat tal-Palestina biex huma ma jkomplux jiffaċċjaw il-ħruxija tal-gwerra.

Madankollu, hemm anki l-Palestinjani li jinkwetaw li l-għarfien tal-Istat Palestinjan mir-Renju Unit, il-Kanada u l-Awstrlaja għandu jwitti t-triq għal azzjonijet militari jerġa’ aktar intensivi mill-Iżraeljani f’Gaza.