Futbol Sport

Analiżi u kummenti | Hibernians waħedhom fil-quċċata tal-Malta Premier u jirreġistraw l-ewwel clean sheet

Branko Nisevic (Ritratt ta' CM Photography u Hibernians FC)
Branko Nisevic (Ritratt ta' CM Photography u Hibernians FC)

L-aħħar match days intlagħbu f’temp ta’ ftit jiem u dan diġà beda joħloq stress u għejja fuq kwalunkwé skwadra, anke jekk għadna fil-bidu ta’ staġun. Dan biex ma nsemmux il-fatt li f’ċirkostanzi bħal dawn, tiżdied il-possibbiltá li jkollok numru ta’ injuries.

Hibernians, li attwalmemt huma l-leaders tal-Malta Premier, wara r-rebħa li kisbu fl-aħħar ġurnata kontra Naxxar Lions, x’aktarx hu wieħed mill-aktar klabbs, jekk mhux l-aktar, li s’issa kien sfortunat fl-ammont ta’ injuries li kellu għalkemm fl-aħħar logħba beda jirkupra wħud mill-plejers.

Minkejja l-uġigħ ta’ ras li għandu Branko Nisevic, biex logħba wara l-oħra jilgħab bl-aħjar ħdax, waqt li jittama li l-problema ta’ plejers imweġġa’ tonqos u mhux tiżdied, Hibernians irnexxielhom jiksbu t-tliet punti fl-aħħar logħba kontra Naxxar Lions b’rebħa ta’ 2-0.

Iżda ebda riżultati pożittivi, inkluż dawk f’mumenti diffiċli, ma jiġu b’kumbinazzjoni. Lil hinn mill-iskwadra ta’ plejers, Hibernians hu tim kompost minn staff tekniku b’abbiltá kbira, u flimkien ma’ Nisevic hemm uċuħ li jafu jaqraw il-logħba sew u bħal ftit. Fost dawn insemmi lit-Tim Manager tal-Pawlisti, Jesmond Abela, u minn dan l-istaġun bħala assistant kowċ hemm ukoll l-eks plejer internazzjonali Malti, Andrei Agius li minkejja li għadu fil-bidu nett tiegħu fil-karriera ta’ kowċ, l-eks difensur ċentrali diġà jitqies bħala wieħed mill-kowċis Maltin fost l-aktar promettenti għall-futur.

F’kummenti li Agius ta wara r-rebħa kontra Naxxar Lions, hu rrikonoxxa l-għejja mentali u fiżika li mumenti bħal dawn jistgħu jġibu magħhom, anke għaliex fi kliemu stess kull partita tal-Malta Premier qed tkun waħda diffiċli. Dik ta’ kontra Naxxar Lions ma kinitx eċċezzjoni, anke jekk dawn tal-aħħar attwalment jinsabu fl-aħħar post tal-klassifika u għadhom qed ifittxu l-ewwel rebħa tagħhom tal-Kampjonat.

“Fortunati biżżejjed li nistgħu ngħidu li għandna skwadra twila, allura bħala staff tekniku qed naraw li nagħmlu l-massimu mir-riżorsi disponibbli fit-tim ta’ Hibernians,” qal l-assistant kowċ tat-tim, Agius.

Fil-veritá tul id-90 minuta tal-konfront bejn Hibernians u Naxxar Lions, kien hemm bilanċ fil-logħob iżda ċertu dettalji, inkluż l-esperjenza, uħud mill-plejers fl-iskwadra ta’ Raħal Ġdid, għamlu d-differenza kollha. Jekk inħarsu lejn l-istatistika, Naxxar Lions kellhom aktar ballun f’saqajhom u ħolqu okkażjonijiet ta’ skor daqs jekk mhux ftit aktar mill-avversarji, iżda Hibernians kienu intelliġenti biżżejjed li jagħmlu użu aħjar tal-azzjonijiet li kellhom fil-fażi offensiva.

Il-Pawlisti skorjaw l-ewwel gowl tagħhom kmieni fil-logħba, meta wieħed mill-plejers tal-mument, il-winger Brażiljan, Cleiton, tefa’ lit-tim tiegħu fil-vantaġġ wara żewġ minuti logħob. M’hemmx dubju li dan il-gowl għen u ta aktar saħħa lil Hibernians.

Agius kellu kliem ta’ tifħir għal Naxxar Lions u ddeskrivihom bħala tim “validissimu, bi kwalitajiet tajba f’kull dipartiment partikolarment fl-attakk.” Irikonoxxa li kien hemm bilanċ bejn iż-żewġ timijiet iżda “nemmen li din id-darba Hibernians konna tattikament dixxiplinati speċjalment fil-mod ta’ kif konna kapaċi nikkontrollaw it-transazzjonijiet fl-attakk tal-avversarji.”

Fil-fatt f’ħames partiti tal-Kampjonat, Hibernians, li hu wieħed mit-timijiet li skorja gowls iżda sofra wkoll ammont konsiderevoli ta’ gowls, għall-ewwel darba rrnexxielhom jirreġistraw clean sheet, hekk kif kontra Naxxar Lions, bejn il-lasti ta’ Hibernians kien qed jirritorna l-gowlkiper żagħżugħ Malti, Hugo Sacco li għamel numru ta’ ġimgħat assenti minħabba injury.