Lokali Qorti

Disa’ xhur ħabs u multa ta’ €3,000 wara li ħebb għal uffiċjali tal-tal-Awtorità tal-Ippjanar

Il-Qorti tal-Appell Kriminali, preseduta mill-Imħallef Edwina Grima, ikkonfermat is-sentenza ta’ ħabs ta’ disa’ xhur u multa ta’ €3,000 imposta fuq Mario Camilleri minn Ħal Qormi, wara li dan kien instab ħati li ħebb għal żewġ uffiċjali tal-Awtorità tal-Ippjanar b’umbrella.

L-inċident seħħ fis-7 ta’ April 2021 meta żewġ uffiċjali, wieħed raġel u oħra mara, kienu marru jwaħħlu ordni ta’ infurzar fuq il-faċċata tad-dar ta’ Camilleri. Huma xehdu li l-imputat ħareġ għalihom b’umbrella, hedded lill-uffiċjal mara li se jaqlagħlilha għajnejha.

Fit-13 ta’ Jannar ta’ din is-sena, Camilleri kien diġà nstab ħati mill-Qorti tal-Maġistrati li kkaġuna ġrieħi ħfief u li fixkel uffiċjali pubbliċi waqt li kienu qegħdin jaqdu dmirhom. Huwa appella mis-sentenza iżda l-Qorti tal-Appell ċaħditlu l-aggravji tiegħu, u qalet li l-vjolenza kontra żewġ persuni qegħdin jagħmlu xogħolhom bħala uffiċjali pubbliċi ma setgħetx tiġi ttollerata u kienet teħtieġ piena ta’ ħabs.

Fil-konklużjoni tagħha, l-Imħallef Grima rrimarkat dwar il-fedina penali ta’ Camilleri, li ddeskrivieha bħala “voluminuża ferm”, u qalet li din turi kif l-imputat għadu ma tgħallimx mill-iżbalji tiegħu. Madankollu, esprimiet it-tama li fil-futur hu jibqa’ miexi fit-triq it-tajba.