Lokali Qorti

Disa’ xhur ħabs wara li ammetta pusses ta’ cannabis u kokaina mhux għal użu personali

Żagħżugħ Somalu ta’ 24 sena ammetta fil-Qorti li kien fil-pussess ta’ seba’ grammi cannabis u tliet grammi kokaina f’ċirkostanzi li indikaw li ma kinux għall-użu personali, u ntbagħat disa’ xhur ħabs it-Tnejn wara nofsinhar.

Khadar Yusuf Abdihakin residenti Bormla inqabad fil-lejla tal-Ħadd f’Paceville fuq suspett li kien qed ibigħ id-droga, wara li l-Pulizija rawh jersaq lejn diversi persuni. Huwa kien akkużat bi pussess aggravat ta’ kokaina u cannabis, kif ukoll li wettaq l-offiża fi ħdan mitt metru minn post frekwentat miż-żgħażagħ. Ġie mixli wkoll bħala reċidiv.

Il-Qorti wissiet lill-imputat li kien qed jiffaċċja piena ta’ ħabs flimkien ma’ multa. Abdihakin ikkonferma l-ammissjoni ta’ ħtija tiegħu. Fil-konklużjonijiet dwar il-piena, l-avukat Daniel Tabone mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali qal li l-akkużat instab fil-pussess tad-droga msemmija, u talab disa’ xhur ħabs flimkien ma’ multa ta’ €500, waqt li nnota li l-imputat ma kellux assi.

Min-naħa tiegħu, l-avukat ta’ għajnuna legali Silvan Pulis argumenta li l-piena għandha tkun lejn il-minimu billi l-akkużat kien ikkollabora mal-Pulizija u qiegħed jerfa’ r-responsabbiltà tiegħu minn stadju bikri. Pulis ikkonferma wkoll li l-akkużat ma kellu l-ebda assi.

Il-Qorti sabitu ħati fuq il-kapijiet kollha ħlief dak tar-reċidiv, billi l-ġudizzju relattiv għall-kundanna preċedenti tiegħu ma kienx ġie ppreżentat. Huwa ġie kkundannat disa’ xhur ħabs u multa ta’ €500 li għandu jħallas fi żmien 12-il xahar.

Il-Maġistrat Lara Lanfranco ppresediet is-seduta. L-avukat Daniel Tabone mexxa l-prosekuzzjoni flimkien mal-Ispettur tal-Pulizija John Leigh Howard, filwaqt li l-avukat Silvan Pulis deher għall-akkużat.