Lokali

EDITORJAL TIMES: “Allarmanti kif l-Istat spiċċa daqstant maħtuf”

L-Uffiċċji tal-Ombudsman, tal-Kummissarju għall-Istandards u tal-Awditur Ġenerali huma l-uniċi istituzzjonijiet li, kif mitlub minnhom bil-liġi, qed jiprovaw jassiguraw s-saltna tad-dritt u l-governanza tajba. Madanakollu fl-editorjal tas-Sunday Times of Malta dawn ġew deskritti bħala ilħna fid-deżert.

Dan hekk kif s-sejbiet li għamel l-NAO b’rabta mad-deal tal-Fortina għal darb’oħra kixfu kif l-istat f’Malta huwa maħtuf – l-istess attitudni sintomatika ta’ abbuż, manipulazzjoni u aġir ħażin – li bħalhom fl-aħħar snin rajna għal aktar minn darba.

L-editur sostna li sakemm ma jkollnix kontabbiltà sħiħa u reali, se nibqgħu naraw skandlu wieħed wara l-ieħor.

Huwa saħaq li hu ta’ tħassib kif l-Eks Chairman tal-Bord tal-Gvernaturi tal-Awtorità tal-Artijiet  ħeba r-rapport ta’ valutazzjoni u qal li r-rapport kien għadu mhux lest… meta fl-istess waqt għaddih lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

Insista kif l-Eks Chief of Staff tal-OPM, Keith Schembri kien jaf bil-valutazzjoni u għamel minn kollox biex jaħbiha u li dan kollu wassal biex €12.9 miljun intilfu mill-finanzi pubbliċi.

Fl-editorjal intqal kif dan issarraf fi skandlu ieħor bħal tal-Electrogas u ta’ Vitals u Steward – uħud tal-qalba ħaxxnu bwiethom filwaqt li l-poplu baqa’ b’xiber imnieħer. L-editur sostna li kif aħna mdorrijin…. kulħadd spiċċa jipponta is-swaba lejn xulxin, ħadd ma jaf b’xejn u ingħata bidu għal teatrin li jibqa’ għaddej sakemm ifaqqa’ skandlu ieħor.

Fl-editorjal intqal kif il-Prim Ministru Robert Abela qal li dawk responsabbli jridu jpattu ta’ għemilhom madanakollu meta ssikat, għażel li ma jsejjaħx għal investigazzjoni interna – meta huwa obbligat li jsejjaħ inkjesta pubblika jew investigazzjoni fid-dipartiment konċernat sabiex toħroġ il-verità kollha.

Dan filwaqt li ntqal kif konvenjentament is-swaba kollha qed jippontaw lejn persuna li llum hija mejta u saħaq li jkun inġust u ta’ min jistmerr li l-Gvern jitfa’ l-ħtija kollha fuq din il-persuna.

L-editur sostna li eżempji ċari ta’ kemm l-influwenza ta’ negozjanti kbar fuq il-Gvern ikollhom konsegwenzi ħżiena diġà rajnihom fost oħrajn bl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia u l-mewt taż-żagħżugħ Jean Paul Sofia.

Finalment huwa saħaq li minkejja li saru inkjesti pubbliċi xorta waħda għad fadal riformi xi jsiru sabiex il-Gvern jeħles minn dawn il-ktajjen li rabathom bihom lill-Istat. L-editur temm jgħid li jaqbel mal-appell tal-Kap tal-Oppożizzjoni u Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg biex tissejjaħ inkjesta publika b’rabta mal-każ tal-Fortina; madanakollu insista li l-importanti huwa li l-istituzzjonijiet li jiżguraw li s-saltna tad-dritt tiġi mħarsa jagħmlu xogħolhom… u aktar minn hekk jitħallew jagħmlu dan.