Internazzjonali

Franza tingħaqad mal-pajjiżi tal-Punent fir-rikonoxximent formali għall-Istat tal-Palestina

Il-President ta’ Franza, Emmanuel Macron, ħabbar ftit tal-ħin ilu fi New York li pajjiżu qed jingħaqad mar-Renju Unit, il-Kanada, l-Awstralja u l-Portugall fir-rikonoxximent formali tal-Istat tal-Palestina….Deċiżjoni li kienet ftit jew wisq mistennija anki jekk pajjiżi ewlenin bħall-Istati Uniti, l-Italja u l-Ġermanja, għalissa, qed iżommu lura minn dan il-pass.

Macron, li kien qed jitkellem waqt l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, qal li pajjiżu ‘ma setax jistenna aktar’ biex jirrikonoxxi lill-Istat Palestinjan….Rikonoxximent li, fi kliemu, hu neċessarju biex ‘jinkiser darba għal dejjem iċ-ċiklu ta’ vjolenza fil-Lvant Nofsani, f’sitwazzjoni li anki tiffaċilita l-proċessi għall-paċi.’

Sadanittant, Macron sejjaħ ukoll għall-ħelsien tal-ostaġġi Iżraeljani miżmuma mill-Ħamas u biex tintemm malajr il-gwerra ta’ Gaza.

Fl-istess ħin, l-iżviluppi qanqlu aktar għadab min-naħa ta’ Iżrael – bil-Prim Ministru Benjamin Netanyahu jenfasizza mill-ġdid li ‘mgħandux ikun realizzat it-tragward ta’ Stat Palestinjan’. Netanyahu hu partikularment irrabjat għad-deċiżjonijiet tal-potenzi tal-Punent li, skont hu, ‘qed jippremjaw bil-kbir lill-aġenti tat-terroriżmu’.

Il-Mexxejja tad-Dinja, bħalissa, qed jiltaqgħu fi New York waqt ġimgħa mill-aktar importanti għall-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti….Assemblea li fiha qed ikunu diskussi l-akbar sitwazzjonijiet ta’ kriżi madwar id-dinja; b’mod partikulari l-konflitti tal-Ukrajna u Gaza.

Suġġetti oħra importanti, intant, jinkludu r-riforma tan-Nazzjonijiet Uniti, it-tragwardi għall-kontroll tal-klima, il-proġetti għall-iżvlupp u diversi kriżi oħrajn fuq livelli umanitarji. Dan ukoll fost id-dibattitu imminenti dwar jekk jitressqux is-sanzjonijiet addizzjonali fil-konfront tal-Iran fundamentalista.

L-hekk-imsejjaħ ‘High Level Assembly’ għandu jkompli sa nhar is-Sibt u fejn se jispikkaw id-diskorsi mill-Kapijiet u Rappreżentanti oħrajn tal-193 Stati membri — flimkien mad-diskorsi tar-Rappreżentanti tas-Santa Sede u l-Istat tal-Palestina.

Sadanittant, hu  ippjanat li r-Rappreżentanti tal-Palestina jipparteċipaw f’din it-80 laqgħa tal-Assemblea tan-NU permezz ta’ videolink. Dan wara li d-Dipartiment tal-Istat Amerikan ma permettiex li joħorġu l-visas għall-Uffiċjali li qed jirrappreżentaw lill-Awtorità Palestinjana, fosthom il-President Palestinjan, Mahmoud Abbas. L-Amerikani qed jixlu lill-Awtorità Palestinjana dwar ‘il-ksur ta’ xi impenji’ li hi kienet daħlet għalihom.’

L-impenji lejn il-konferma tal-Istat tal-Palestina se jingħataw importanza speċifika waqt l-Assemblea u meta Iżrael jinsab taħt pressjoni fuq livell globali rigward kif qed imexxi l-gwerra fl-artijiet ta’ Gaza.

Il-gwerra tal-Ukrajna ukoll se tingħata prominenza kbira matul il-ġimgħa – u meta l-President Ukren, Volodymyr Zelenskyy, għada l-Erbgħa, jagħmel diskors prinċipali fi żmien meta l-invażjoni ta’ pajjiżu mill-militar tar-Russja qed tavviċina r-raba’ anniversarju.