Lokali

Il-ħajja f’Malta terġa’ togħla għal xahar ieħor konsekuttiv

Il-Partit Nazzjonalista jinsab imħasseb bl-aħħar ċifri ppubblikati llum mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) li juru kif f’Awwissu, għal xahar ieħor konsekuttiv, ir-rata tal-għoli tal-ħajja f’Malta kompliet togħla meta mqabbel max-xahar ta’ qabel, biex issa tinsab fil-livell ta’ 2.7%.

Dan intqal fi stqarrija maħruġa mid-deputati Ivan Castillo u Albert Buttigieg.

Skont l-NSO, l-akbar żieda li kkontribwiet biex ir-rata annwali tal-għoli tal-ħajja reġgħet għoliet ix-xahar li għadda kienu ż-żidiet fil-prezzijiet tal-ikel u x-xorb. Żidiet oħra kienu rreġistrati fl-indiċi tal-prezzijiet tat-trasport u l-komunikazzjoni.

Din l-istqarrija dwar l-Indiċi tal-Prezzijiet bl-Imnut (Retail Price Index) hija konferma li l-prezzijiet ta’ dak li huwa l-aktar affarijiet essenzjali għall-familji Maltin jibqgħu fost l-aktar li qed jogħlew u l-Maltin jibqgħu jħabbtu wiċċhom ma’ prezzijiet dejjem ogħla.

Dan qed ikollu effetti negattivi mhux biss fuq il-familji, iżda wkoll fuq setturi ekonomiċi li l-ispejjeż biex joperaw qed ikomplu jogħlew filwaqt li l-qligħ tagħhom jonqos.

Ir-rata tal-għoli tal-ħajja għal Awwissu mhux biss żdiedet fuq Lulju (2.4%) imma żdiedet sew ukoll fuq Awwissu tal-2024 meta kienet fil-livell ta’ 1.5%.

Lil hinn mill-perċentwali, din hija r-realtà iebsa ta’ kuljum għal eluf ta’ familji Maltin u Għawdxin: spejjeż dejjem jiżdiedu, pagi li ma jlaħħqux u Gvern li jagħlaq widnejh għall-inkwiet tan-nies.

Għall-kuntrarju, il-Partit Nazzjonalista anke mill-Oppożizzjoni qed iressaq proposti konkreti biex jindirizza din il-kriżi – miżuri li magħhom jaqblu l-imsieħba soċjali imma li l-Gvern qed iwarrab fil-ġenb kif għamel meta vvota fil-Parlament kontra l-Mozzjoni tal-Oppożizzjoni biex jiġi indirizzat l-għoli tal-ħajja.

Is-soluzzjonijiet li qed iressaq il-PN jinkludu:

•                    It-tneħħija tat-taxxa fuq iż-żieda għall-għoli tal-ħajja (COLA) biex il-ħaddiema jgawdu miż-żieda kollha,

•                    Eżenzjoni mit-taxxa fuq l-ewwel €10,000 minn overtime u part-time biex min jaħdem iżjed igawdi iżjed,

•                    Tax credits għal min iħaddem biex ma jkollux jgħolli l-prezzijiet biex jagħmel tajjeb għall-COLA,

•                    Fond nazzjonali għall-industrija li timporta jew tesporta biex jitnaqqsu l-ispejjeż tal-akkwist u tat-trasport,

•                    Mudell ekonomiku ġdid u sostenibbli, ibbażat fuq setturi ta’ valur miżjud, li joħolqu xogħol ta’ kwalità, b’pagi ogħla u aktar produttività.

Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jitkellem f’isem dawk li llum mhux qed ilaħħqu mal-ispejjeż tal-ħajja u f’isem in-negozji li għandhom bżonn l-għajnuna. Filwaqt li l-Gvern Laburista jibqa’ indifferenti, il-PN lest li jmexxi l-pajjiż b’direzzjoni ġdida li tipprovdi soluzzjonijiet serji u li twassal għal kwalità ta’ ħajja aħjar għall-Maltin u l-Għawdxin.