Għal darb’oħra, il-Parlament illejla aġġorna madwar siegħa qabel il-ħin iżda minkejja dan, il-Gvern xorta jibqa’ jirrifjuta li jiddiskuti diversi mozzjonijiet imressqa mill-Oppożizzjoni.
Dwar dan tkellmet illejla fl-Aġġornament tal-Parlament, id-Deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg li sosniet li minkejja li l-Gvern qal li kien se jieħu waqfa qasira fis-sajf, issa l-Parlament qed jispiċċa jaġġorna kmieni minkejja li bħalissa qed tkun diskussa liġi importanti ħafna dwar id-droga u l-alkaħol fis-sewqan.
Claudette Buttigieg sostniet li l-PN ressaq 11-il abbozz ta’ liġijiet li jistgħu jkunu diskussi u li jittrattaw il-kostituzzjoni, l-impjiegi, l-ambjent, il-ħela tal-ikel, il-Konvenzjoni Ewropea, id-donazzjoni tal-organi, il-Pulizija, l-ippjanar u l-iżvilupp, iċ-ċensura u r-riżenji. Dawn il-mozzjonijiet ilhom jitressqu minn Ġunju 2022 sa Lulju li għadda iżda l-Gvern jibqa’ ma jressaqhomx
Il-Parlament qed jibgħat messaġġ li qed jieqaf kmieni għaliex il-Gvern m’għandux programm leġiżlattiv. Dan il-waqfien kmieni ma seħħx biss f’din is-seduta iżda f’diversi seduti oħra u b’mod regolari. Ix-xogħol tal-Parlament mhuwiex qed isir kif suppost, sostniet id-deputat Nazzjonalista, li kompliet li dan hu nuqqas ta’ rispett lejn il-poplu.
Id-deputat Nazzjonalista kompliet li kważi kull seduta qed tispiċċa kmieni u b’din l-attitudni l-impressjoni tal-poplu dwar il-Parlament qed tmur għall-agħar. Jekk il-gvern m’għandux x’jiddiskuti għandu għall-inqas iressaq il-mozzjonijiet tal-Oppożizzjoni, sostniet Claudette Buttigieg.
//= $special ?>

