Internazzjonali

Il-Partit Nazzjonalista jilqa’ l-għarfien – għalkemm tard – tal-Istat Palestinjan mill-Gvern Malti

Il-Kap tal-PN Alex Borg laqa’ b’sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-Gvern Malti li llejla se jirrikonoxxi l-Istat Palestinjan – u qal li dan huwa “pass li ilna nisħqu fuqu”.

“Is-soluzzjoni ta’ żewġ stati tibqa’ l-unika triq ’il quddiem għall-paċi”, stqarr Alex Borg.

Stqarrija tal-PN

Il-Partit Nazzjonalista jilqa’ l-għarfien tal-Istat tal-Palestina mill-Gvern Malti, għalkemm dan messu ilu li sar. Il-PN kien ilu jinsisti mal-Gvern biex jagħmel  dan, u jibqa’ jisħaq li l-Gvern messu rrikonoxxa l-Istat Palestinjan ħafna qabel, u dan f’konformità mal-impenn twil ta’ Malta favur il-ġustizzja, il-paċi u l-liġi internazzjonali.

Il-Gvern baqa’ jiddawwar fuq dan is-suġġett importanti, u d-deċiżjoni li llejla jirrikonoxxi l-Istat tal-Palestina mhi xejn għajr ir-rikonoxximent tad-dritt tal-poplu Palestinjan għas-sovranità tiegħu.

Il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jtenni l-konvinzjoni soda tiegħu li l-unika triq għal paċi ġusta u dejjiema fir-reġjun hija s-soluzzjoni ta’ żewġ stati, li tiżgura s-sigurtà u s-sovranità kemm tal-Iżrael kif ukoll tal-Palestina.

Il-Partit Nazzjonalista jistenna li Robert Abela issa jieħu pożizzjoni ċara, kuraġġjuża, inekwivoka u msejsa fuq il-prinċipji tas-sewwa dwar is-sanzjonijiet li qed jiġu proposti u s-sospensjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u Iżrael, fid-dawl tal-ġenoċidju tal-poplu Palestinjan li ilu  għaddej f’Gaza.

Din l-istqarrija kienet iffirmata mix-Shadow Minister Beppe Fenech Adami, u mis-Segretarju Internazzjonali Beppe Galea.