Edukazzjoni Lokali

Il-PN jawgura sena ta’ tagħlim u suċċessi lill-edukaturi u lill-istudenti fil-bidu ta’ sena skolastika ġdida

Il-PN iħares lejn l-edukazzjoni bħala l-aktar għodda importanti li għandu l-bniedem biex tinbena s-soċjetà tal-lum u ta’ għada

Permezz ta’ post fuq il-midja soċjali, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg fakkar fl-importanza tal-edukazzjoni, kif ukoll fl-irwol importanti tal-edukaturi tagħna. Hu semma kif l-edukaturi ma jgħallmux biss is-sillabu, imma wkoll il-valuri li jiffurmaw it-tobba, l-infermieri, il-bdiewa, l-inġiniera, il-mechanics, il-mexxejja ta’ għada u kull professjoni li s-soċjetà tagħna teħtieġ. Hu temm billi rrikonoxxa x-xogħol li jagħmlu, u rringrazzjahom li b’tant dedikazzjoni u mħabba ta’ kuljum isawru l-ġenerazzjonijiet futuri.

Filwaqt li permezz ta’ stqarrija mix-Shadow Minister għall-Edukazzjoni u s-Snajja’ Justin Schembri, intqal li l-Partit Nazzjonalista qiegħed jawgura mill-qalb sena skolastika mill-aqwa lill-edukaturi u lill-istudenti kollha hekk kif mil-lum l-iskejjel jibdew jerġgħu jiftħu l-bibien għas-sena skolastika 2025-2026.

Il-Partit Nazzjonalista jħares lejn l-edukazzjoni bħala l-aktar għodda importanti li għandu l-bniedem biex biha tinbena s-soċjetà tal-lum u ta’ għada. Meta l-edukazzjoni tkun immexxija b’viżjoni ċara u studjata tista’ tippermetti lil pajjizna jindirizza l-ħtiġijiet personali, kulturali, soċjali u ekonomiċi taċ-ċittadini li jgħixu fih.

Qegħdin fi żmien meta s-sistema edukattiva ta’ pajjiżna għadha mhix tilħaq l-aspettattivi mistennija, u dan huwa ta’ dispjaċir. Fi żmien meta l-ħiliet essenzjali huma diversifikati, il-Partit Nazzjonalista jtenni l-pożizzjoni tiegħu favur edukazzjoni tassew inklużiva, fejn kull tifel u tifla, kull żagħżugħ u żagħżugħa, jingħataw l-opportunità u l-appoġġ kollu biex jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom, irrispettivament mill-inklinazzjoni akkademika jew vokazzjonali tagħhom.

Il-Partit Nazzjonalista jrid jara sistema edukattiva aktar sensittiva għall-bżonnijiet u għall-karatteristiċi tal-ġenerazzjoni tal-lum. Irid jara edukazzjoni li tħeġġeġ u trawwem aktar il-ħsieb kritiku, l-abbiltà li tiffaċċja b’mod effettiv l-isfidi; il-kisba tal-ħiliet diġitali u tal-abbiltà li żżomm mal-avvanzi teknoloġiċi; l-għarfien taċ-ċittadinanza globali; il-kreattività u l-innovazzjoni; il-kommunikazzjoni fil-forom varji tagħha; l-intelliġenza emozzjonali; l-empatija u r-rispett; u r-reżiljenza għall-benesseri personali u soċjali.

Il-Partit Nazzjonalista jirringrazzja lill-Kapijiet u Deputati Kapijiet tal-iskejjel, lill-għalliema u lill-edukaturi kollha, lill-Uffiċjali Edukattivi, lill-Kapijiet tad-Dipartimenti, professjonisti varji, u ħaddiema anċillari li flimkien ma’ impjegati oħra fil-Ministeru tal-Edukazzjoni jikkontribwixxu bis-sħiħ għas-sistema edukattiva ta’ pajjiżna.

Matul din is-sena skolastika, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista mill-ġdid se tkun qed timpenja ruħha biex tkompli tkun vuċi favur l-istudenti u l-edukaturi kollha. Mhu se tħalli ebda inizjattiva kożmetika tisraq l-attenzjoni tal-midja u tnessi l-ħtiġijiet reali. Fuq kollox mhix se tittollera politika li fiha jitwarrbu fil-ġenb il-bżonnijiet veri tal-istudenti u tal-edukaturi u tassigura li se żżomm fiċ-ċentru tal-politika tagħha l-inklużjoni fil-forom kollha tagħha. Aktar minn hekk, se tkompli tressaq ‘il quddiem il-viżjoni tagħha għal edukazzjoni tal-aqwa livell li tkun konformi maż-żminijiet u r-realtajiet li qed ngħixu fihom illum u dawk futuri.