Lokali Qorti

Jammettu li serqu minn kamra tal-lukanda fejn jaħdmu

Żewġ nisa minn Nepal, Sangita Ghimire ta’ 26 sena u Mina Karki ta’ 27 sena, ammettew li serqu oġġetti minn kamra tal-lukanda fejn kienu jaħdmu bħala ‘housekeepers’. Huma tressqu taħt arrest quddiem il-Maġistrat Lara Lanfranco, mixlija b’serq aggravat.

L-inċident seħħ fit-13 ta’ Settembru fil-lukanda ME Malta, f’San Ġiljan, fejn il-pulizija allegat li ż-żewġ nisa serqu borża li fiha kien hemm €350, souvenirs u affarijiet oħra minn kamra tal-lukanda. Il-pulizija kellha wkoll filmati ta’ CCTV li juru li ż-żewġ imputati ħarġu mill-kamra bil-borża.

Waqt il-proċeduri, l-avukat tal-għajnuna legali Silvan Pulis talab biex jersaq lejn il-bank tal-Qorti u jiddiskuti l-każ b’mod privat. Wara li semgħet is-sottomissjonijiet dwar il-piena, il-Qorti kkundannat liż-żewġ nisa għal 12-il xahar ħabs kull waħda, sospiżi għal sentejn. Barra minn hekk, ġew ordnati jħallsu lura l-ammont ta’ €350 lill-vittma.

Il-prosekuzzjoni kienet immexxija mill-Avukat Manuel Grech, mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali assistit mill-Ispetturi Kelsey Bugeja u Christian Xuereb, filwaqt li l-avukat Silvan Pulis deher għad-difiża.