Lokali Qorti

Konfermata sentenza sospiża fuq xorb alkoħoliku li fuqu ma tħallasx dazju u VAT

Il-Qorti tal-Appell Kriminali, ppreseduta mill-Imħallef Edwina Grima, ċaħdet l-appell li sar minn Christopher Drago ta’ 58 sena u kkonfermat is-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Maġistrati. Drago kien instab ħati li fl-2002 kellu fil-pussess tiegħu aktar minn tnax-il elf flixkun vodka, parti minn konsenja li kienet rilaxxata mill-Port Ħieles għall-esportazzjoni iżda li spiċċat fil-garaxxijiet tiegħu f’Ħal Lija u l-Mellieħa.

Dan meta hu ma ħallasx dazju jew VAT fuqhom. Huwa kien ikkundannat sena ħabs sospiża fuq sentejn u multa ta’ €109,000, waqt li l-merkanzija diġà kienet ġiet konfiskata. Huwa sostna li ċ-ċitazzjoni kienet invalida, li s-sentenza tal-ewwel qorti kienet nulla, u li ma kienx hemm prova biżżejjed biex juri li l-fliexken kienu fihom vodka jew li kellhom il-valur attribwit.

Madankollu l-Qorti qieset li ċ-ċitazzjoni, għalkemm setgħet kienet iktar preċiża, kienet xorta valida u tat lill-imputat biżżejjed ċarezza biex jiddefendi ruħu. Barra minn hekk, ir-ritratti, id-dokumenti, ix-xhieda u anke nota ta’ qbid iffirmata minn Drago nnifsu kkonfermaw li l-kaxxi kienu jikkontjenu Vodka Favorit.

Ix-xhieda tal-uffiċjali tad-dwana u oħrajn ikkonfermaw ukoll il-valur tal-konsenja u l-fatt li kienet maħsuba għall-esportazzjoni. L-appellant ilmenta illi l-apprezzament tal-provi magħmul mill-Ewwel Qorti kien wieħed bla bażi għaliex il-Prosekuzzjoni naqset milli tressaq l-aħjar prova, u ċioe’ dik li turi li l-fliexken misjuba kienu verament jikkontjenu ix-xarba alkoħolika vodka.

Aktar minn hekk skond Drago qatt ma tressqet l-ebda prova dwar il-valur tal-oġġetti li fuqhom suppost tħallsu d-dazju u l-VAT. Għaldaqstant, jilmenta li huwa ma seta’ qatt jinstab ħati tal-akkuża lilu imputata. Illi, l-Qorti eżaminat mill-ġdid l-atti proċesswali, inkluż id-dokumenti kollha eżebiti u t-testimonjanzi tax-xhieda li xhedu quddiem l-Ewwel Qorti, biex b’hekk tkun f’posizzjoni aħjar tevalwa jekk l-apprezzament dwar il-provi.

Minn eżami mill-ġdid, jirriżulta illi nhar is-7 ta’ Novembru 2002, il-Pulizija rċeviet informazzjoni kunfidenzjali li f’Birkirkara kien hemm vann appartenenti lil Godwin’s Garage, li kien ġie mikri
minn Noel Mifsud, u li ġo fih kienu qed jiġu mgħobbija xi affarijiet minn maħżen fl-istess triq.

Meta l-Pulizija marru fuq il-post, sabu lil Omar Adam li qalilhom li kien qed jgħabbi xi kaxxi minn ġol maħżen ta’ Christopher Drago għal ġol vann, u dana fuq struzzjonijiet ta’ Drago nnifsu. Di fatti irriżulta li kienu tgħabbew 50 kaxxa kontenenti fliexken tax-xorb alkoħoliku Vodka.

Sussegwentement saret tfittxija ukoll fil-maħżen ta’ Drago li jinsab Ħal Lija fejn instabu 111-il kaxxa tal-vodka. In oltre saret ukoll tfittxija ġewwa garaxx ieħor mikri lilu ġewwa l-Mellieħa fejn hemmhekk instabu 449 kaxxa ta’ l-istess xarba tal-vodka.

Omar Adam xehed quddiem l-Ewwel Qorti li meta huwa twaqqaf mill-Pulizija, kien ilu jaħdem biss ġimgħatejn ma’ Drago bħala deliveryman u storekeeper. Xehed li dakinhar tal-inċident, l-appellant kien bagħtu l-istore sabiex jagħbi fil-vann xi xogħol konsistenti f’alkoħol mill-maħzen.

Jgħid li Drago kien talbu jagħmel hekk ukoll darbtejn oħra qabel din d-data, dejjem mill-istess merkanzija – darba 40 kaxxa u darb’oħra 50 kaxxa. Mary Zilike xehdet li hija kienet kriet garaxx lill-appellant ġewwa l-Mellieħa, u dan għal perijodu ta’ sena.

Xehdet li kienet tatu ċ-ċwievet pero’ qatt ma tat każ x’kien idaħħal ġol-istess garaxx. Illi, mbagħad xhud ewlieni Vito Aufieri li jmexxi l-kumpanija bl-isem ta’ Freight Services Limited jixhed illi l-appellant kien inkarigah biex jieħu ħsieb l-esportazzjoni ta’ container u għaddielu id-dokumentazzjoni meħtieġa biex ikun jista’ jieħu ħsieb it-trasport.

Minn dawn id-dokumenti li kien għaddielu Drago jiftakar illi l-merkanzija involuta kienet konsistenti f’ fliexken tal-Vodka. Jikkonferma li l-istess dokumenti ġew sussegwentement mgħoddija lill-uffiċċju tad-dwana.

Peter Grima, bħala direttur tad-Dipartiment tad-Dwana, xehed li kien hemm container kontenenti konsenja Vodka favorit li għamel żmien twil maħżun ġewwa maħżen fid-Dwana li meta sidha kien wera ix-xewqa li jbiegħha kien avviċinah ċertu Chris Drago ma’ persuna oħra biex jixtri din il-vodka, iżda sussegwentement wrew x-xewqa li jesportawha.

Jgħid li d-dokumenti oriġinali saru fuq l-importatur bl-isem ta’ Vella. Jisħaq li wara dan il-proċess “ikun hemm il-gwardjani skorta, nagħmlulu siġill il-container sakemm imur minn fejn ser jiġi esportat u kien ikun eskortat bilgwardjan, jiffirma u jitlaq bil-gwardjan skorta”.

Jixhed li “Drago kien il-persuna li kien ġie il-‘barrier bondage’ stores bħala l-buyer li ħa jixtri, sadanittant jien l-ewwel darba li rajtu ma kontx naf li ser jesportaha, wara imbagħad ġew jgħiduli li se jesportaha”. Stqarr ukoll li f’dan il-każ id-dazju ma kienx tħallas għax ix-xogħol – 1060 kaxxa vodka li jġorru l-valur ta’ $24,380 – billi huwa kien infurmat illi din il-merkanzija kienet ser tiġi esportata u ma kienitx se tiġi rilaxxata fis-suq lokalment.

Illi, għalkemm huwa minnu li ma tressqet ebda prova diretta li l-fliexken in kwistjoni kienu jikkontjenu spirtu alkoħoliku konsistenti f’vodka madanakollu, kif tajjeb tikkonkludi l-Ewwel Qorti id-dokumenti eżebiti kollha jindikaw il-kontenut ta’ din ilmerkanzija li finalment instabet fil-pussess ta’ Dragi.

B’mod ewlieni hemm fl-atti n-nota tal-qbid li ġiet iffirmata mill-appellant stess li tagħti deskrizzjoni tal-oġġetti elevati mill-pussess tiegħu. Inoltre ir-ritratti meħuda kemm mis-Surġent Robert Scicluna u dawk meħuda mis-Surġent Antoine Fenech tal-kaxxi misjuba fil-pussess tal-appellant, juru l-kaxxi kontenenti ix-xorb alkoħoliku u fuq kollox immaġini ta’ fliexken ta’ Vodka Favorit magħluqin u issiġġillati li inħarġu minn dawn il-kaxex.

Il-Qorti għalhekk ikkonkludiet li l-provi kienu konvinċenti u li l-ewwel sentenza kienet valida u ġustifikata. L-appell ta’ Drago ġie miċħud u s-sentenza tal-ewwel grad ġiet ikkonfermata fl-intier tagħha. Il-Qorti tal-Appell għalhekk ikkonfermat is-sentenza fil-massimu tagħha.