Lokali Parlament

Liġi li qed titressaq minħabba l-ammont kbir ta’ droga li hawn fil-pajjiż


Carm Mifsud Bonnici, PN


Id-Deputat Nazzjonalista Carm Mifsud Bonnici sostna fil-Parlament li l-Gvern qed iressaq liġi dwar is-sewqan eċċessiv taħt l-effett tad-droga u l-alkoħol minħabba s-sitwazzjoni tal-ammont kbir ta’ droga li hawn fil-pajjiż.

Carm Mifsud Bonnici qal li din il-liġi dwar liġijiet varji għall-prevenzjoni ta’ sewqan taħt l-influwenza tal-alkoħol u d-droga u sostna li sin is-sena s-soċjetà Maltija għaddiet minn diversi esperjenzi ta’ persuni li sofrew minħabba sewqan eċċessiv taħt l-effett tad-droga u l-alkoħol. Hu tkellem dwar il-mod kif issa qed issir reazzjoni għal dak li seħħ fis-soċjetà għaliex is-soċjetà ġiet allarmata min-numru ta’ persuni li tilfu ħajjithom f’dawn l-ewwel xhur tas-sena.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li permezz ta’ din il-liġi l-Pulizija se jkollha dritt li tinforza l-liġi meta tkun iffaċċjata b’dawn is-sitwazzjonijiet; għalhekk irid ikun hemm attenzjoni kbira kif jintuża dan id-dritt. Dan iġib responsabbiltà kbira fuq il-Pulizija li jużaw dan id-dritt skont il-liġi. Il-membri tal-Pulizija se jkunu jistgħu jwaqqfu lil min iridu għaliex il-kriterji huma ġenerali ħafna; għalhekk għandhom jinħarġu kriterji biex ma jkunx hemm min jagħmel abbuż minn persuni li jkollhom awtorità.

Carm Mifsud Bonnici qal li l-Pulizija m’għandhomx iwaqqfu lil min iridu u jġegħluh jieħu t-testijiet kollha. Il-pajjiż ġie f’din is-sitwazzjoni minħabba l-użu ta’ droga eċċessiv li hawn fil-pajjiż. Din hi r-raġuni għaliex qed issir din il-liġi, sostna Carm Mifsud Bonnici, li kompla li l-liġijiet dwar id-droga bidlu r-realtà tas-soċjetà Maltija.

Id-deputat Nazzjonalista qal li ċ-ċittadini jiddejqu li meta jkunu mal-familji qed ikollhom jgħaddu minn sitwazzjoni ta’ stennija biex jittieħdu t-testijiet ta’ alkoħol anki jekk ma jkollhomx kriterji biex it-testijiet isiru. Il-kontroll hu tajjeb iżda l-kriterji għandhom isiru b’iktar attenzjoni.

Hu kompla li l-problema hi iktar qawwija u fl-għeruq u insista li ssir kampanja edukattiva kbira; b’din il-liġi mhijiex biżżejjed u jrid isir ferm iktar biex ikun hemm kontrol. Id-deputat Nazzjonalista qal li s-sentenza hi piena tajba li rnexxielha tirrifoma ħafna nies