Lokali Qorti

Mhux ħati li wettaq irregolarità fuq arma tan-nar

Il-Qorti, ppreseduta mill-Maġistrat Monica Vella, illiberat lil Carmel Vassallo, ta’ 70 sena minn Raħal Ġdid, mill-akkużi kollha li kienu mressqa kontrih b’rabta ma’ arma tan-nar tat-tip air gun li kien irreġistrat bħala proprjetarju tagħha.

Il-prosekuzzjoni sostniet li l-imputat naqas milli jinnotifika lill-Kummissarju tal-Pulizija dwar bidla fil-fond approvat u li meta l-arma regolari tiegħu ntilfet jew insterqet, ma rrapportax dan fi żmien 24 siegħa kif tipprovdi l-liġi.

Minn naħa tiegħu, Vassallo qal li kien għadda l-air gun lil ċertu Joseph Falzon, illum mejjet, biex isewwih, iżda wara mewtu, meta mar għand ibnu biex jiġbor l-arma lura, dan qallu li ma kien jaf xejn dwarha. L-investigazzjonijiet bdew f’Mejju tal-2023.

Ix-xhieda tal-pulizija kkonfermat li fil-file kien hemm dikjarazzjoni ġuramentata tal-imputat, iżda din id-dikjarazzjoni lanqas ma kienet preżenti fl-atti tal-proċess. Barra minn hekk, ir-rapporti dwar il-liċenzji tal-armi wrew biss li sas-sena 2000 Vassallo kellu air rifle Narconia, li kienet ġiet irrapportata mitlufa.

Il-Qorti osservat li l-prosekuzzjoni mexiet b’leggerezza kbira, hekk kif iċ-ċitazzjoni kontra l-imputat kienet mingħajr data u għalhekk ma setgħetx tingħata prijorità u validità skont il-liġi. Hija fakkret fil-prinċipji stabbiliti mill-Qorti tal-Appell f’każijiet simili, fejn intqal li n-nuqqas ta’ indikazzjoni taż-żmien temporali fiċ-ċitazzjoni jmur kontra d-dritt fundamentali tal-imputat għal difiża xierqa.

B’rabta ma’ dan, il-Qorti qalet li l-provi preżentati kienu fjakki u ma jistgħux jintrabtu mal-akkużi, u li l-pulizija u l-prosekuzzjoni naqqsu milli jagħmlu xogħolhom b’serjetà u reqqa. Għaldaqstant, il-Qorti ddeċidiet li tiddikjara lil Carmel Vassallo mhux ħati u illiberatu minn kull ħtija u piena.

Fl-istess waqt ordnat li kopja tas-sentenza tintbagħat lill-Kummissarju tal-Pulizija sabiex jittieħdu miżuri biex investigazzjonijiet, ċitazzjonijiet u prosekuzzjonijiet isiru b’aktar serjetà fil-futur.