Lokali Qorti

Minn sentenza sospiża għal ebda piena fuq inċident bejn koppja

Il-Qorti tal-Appell Kriminali, preseduta mill-Imħallef Edwina Grima, ikkonfermat is-sentenza tal-Qorti tal-Maġistrati li sabet raġel ta’ 60 sena residenti n-Naxxar ħati ta’ feriti ħfief fuq martu, iżda għamlet tibdil importanti fil-piena. L-ewwel Qorti kienet ikkundannatu xahar ħabs sospiż għal sitt xhur, iżda l-Qorti tal-Appell irrivokat din il-parti tas-sentenza u ddikjarat li, ma kellhiex tinfliġġi ebda piena fil-konfront tiegħu.

Għaldaqstant, filwaqt li l-ħtija ġiet ikkonfermata, l-appellant ma ngħatax piena effettiva. Il-każ kien seħħ fit-23 ta’ Frar 2020 għall-ħabta tas-2pm. ġewwa Triq iz-Zebbiegħ, Mġarr. L-Ewwel Qorti kienet aċċettat il-fatt li dak li għamel kien bħala leġittima difiza – izda billi ħareġ barra mill-limiti mposti mill-liġi, mill-awtorità jew mill-bżonn, ikkundannat lil Peter Xuereb għal sentenza sospiża.

Ir-raġel appella u talab lil Qorti tal-Appell sabiex tirriforma s-sentenza fejn kien qed jikkontesta l-fatt li ħareġ barra mill-limiti mposti u talabha tibdel il-piena mposta, b’piena aktar ekwa u ġust. Meta l-mara ġiet mitkellma mill-Pulizija, hija stqarret li l-każ seħħ ġewwa l-Imġarr fiż-żmien meta kienet għaddejja mill-proċess tas-separazzjoni minn ma’ żewġha.

Irrappurtat illi f’dak iż-żmien hija ma kienitx għadha tabita ġewwa d-dar matrimonjali li tinsab ġewwa n-Naxxar iżda kienet qed tirrisjedi ġewwa Santa Lucia flimkien mal-ġenituri tagħha. Il-mara kompliet tgħid li aktar kmieni dakinhar, għall-ħabta tas-1.30pm. hija kienet qegħda ikla ma’ żewġha u uliedhom ġewwa ristorant l-Imġarr – ikla li kienet mistiedna għaliha mill-imputat u li kienet aċċettat li tattendi biss minħabba t-tfal tagħhom.

Hi stqarret li waqt li kienu qegħdin ġewwa r-ristorant bdew jaqalgħu ħafna argumenti fil-konfront tagħha u ħin minnhom iddejqet u ma felħitx iżjed u qamet mill-mejda, wadbet is-siġġu mal-art u qaltilhom oqgħodu waħedkom u telqet l hemm.

Hi qabdet miexja lejn il-‘bus stop’ li qegħda Triq iż-Żebbiegħ, l-Imġarr biex taqbad tal-linja u waqt li kienet qiegħda tistenna ġew huma bil-karozza u waqfu quddiemha u r-raġel tagħha li ħareġ mill-karrozza u avviċinaha b’mod aggressiv u qalilha idħol fil-karozza u prova jaqbadha biex idaħħalha hu u hi tatu daqqa ta’ ħarta f’wiċċu, imbagħad qabad jagħtiha bil-ponn f’wiċċha u qalilha

“Għax hekk tridu intom, min itikhom”. Hi kompliet li imbagħad imbuttaha għal ġol karozza u hi bdiet twerżaq u baqa jisfurzaha sakemm daħħalha fil-karozza. Kif telqu minn fuq il-post irealizzat li ma kelliex mobile u daru lura għalih u hemm sabet il-mobile kif ukoll in-nuċċali.

Stqarret li żewġha imbagħad saq lejn il-binja li bena milux ġewwa l-Mosta u staqsiha riditx titla’ taraha u hi weġbitu le minħabba li ma tafx x’jista’ jkollu f’moħħu peress li l-post għadu ġebel u saqaf. Qalet li wara hawn marru d-dar matrimonjali tagħhom u beda jipprova jipperswadiha biex terġa’ tmur lura d-dar izda hi ma riditx.

Wara dan wassalha għand il-ġenituri tagħha f’Santa Lucia u qabel telqet qalilha li jekk tagħmillu rapport, jivvendika ruħu minnha jew minn xi ħadd tal-familja tagħha. Fil-Qorti ikkonfermat li wara li telqgħet mir-ristorant u kienet qed tistenna it-trasport pubbliku fuq il-‘bus stop’ żewġha beda jagħtiha d-daqqiet tal-ponn fuq rasha għal iktar minn darba, tant illi waqalha in-nuċċali u qattalha il-ġakketta u wara dan ġibidha u imbuttaha sakemm tefagħha ġewwa il-vettura.

Miċ-ċertifikat mediku maħruġ mit-tabiba Naomi Cortis fit-23 ta’ Frar 2020 irriżulta li l-mara sofriet minn ġrieħi ta’ natura ħafifa. L-imputat stqarr li:– Il-verżjoni hija kważi identika bid-differenza li “werwitli it-tfal u waqatli wiċċi l-art fir-restaurant”.

Tenna li fejn fir-restaurant hija sabtet is-siġġu mal-art u “waqqatilna wiċċna l-art u kellna nitilqu il-barra bil-mistħija. Jiena mort għaliha fuq l-istage ta tal-linja biex nipprova nirranġala mat-tfal għax mhux qed ikelmuha. U hi qabdet ittini f’wiċċi, bħal ma hi imdorrija tagħmel meta jitlala, u tatni bejn tlieta u erba’ daqqiet ġo wiċċi b’mod aggressiv u jien iddefendejt ruħi u fl-ebda mod ma sfurzajta jew imbuttajta fil-karozza”

“Meta konna l-Imġarr kien hemm it-tfal tagħna prezenti żewġ t’ibniet. Wara fid-dar matrimonjali domna fuq tliet siegħat nitkellmu bla ebda inċident”. Mill-provi prodotti jirriżulta biċ-ċar li l-ġrieħi li saru fuq il-mara kienu ta natura tant ħafifa li sa seba’ siegħat wara l-inċident, meta hija marret għand it-tabib, l-istess ġrieħi ma kienux għadhom viżibbli, hekk kif xehdet l-istess tabiba.

Għaldaqstant, fid-dawl taċ-ċirkostanzi partikolari r-raġel għandu raġun u għalhekk il-Qorti ddeċiedit billi tilqa’ parzjalment l-appell, u għalhekk irriformat s-sentenza appellata billi tikkonfermaha fil-parti fejn sabet lill-imputat ħati tal-akkuża ta’ feriti ħfief bl-iskużanti tal-leġittima difiża u tirrevokaha fil-parti fejn ikkundannat lill-appellant għal xahar priġunerija sospizi għal sitt xhur mid-data tas-sentenza, u minflok tgħaddi biex ma tinfliġġi ebda piena fil-konfront tar-raġel.