Żagħżugħ ta’ 25 sena, residenti l-Imtarfa ġie mmultat €500 wara li nstab ħati li bħala persuna li kellu diversi klieb taħt il-kontroll tiegħu, ħallihom jiġru bla kontroll. Dan wassal biex jiġu kaġunati ġrieħi ħfief fuq mara li spiċċat attakkata u migduma. Hija kienet sofriet il-ġrieħi fil-Buskett fejn kienet tħobb tmur tiġri.
Damian Borg instab ħati li bħala sid ta’ klieb li kien ta’ periklu għan-nies, naqas li jżommhom taħt kontroll u li jkun ta’ ħsara lin-nies jew annimali oħra. Il-Maġistrat Monica Vella studjat l-akkużi, li jinkludu nuqqas ta’ kontroll ta’ kelb jew klieb taħt il-kustodja tiegħu u l-kawża ta’ ġrieħi ħfief fuq il-persuna ta’ Jane Farrugia.
L-inċident seħħ fit-12 ta’ Ottubru 2024, fi Triq il-Buskett, Rabat, meta tliet klieb ħarġu minn xatba miftuha u attakkaw lil Farrugia, u hi sofriet ġrieħi ħfief fuq il-ġisem tagħha. Il-provi u x-xhieda, inkluż testimonjanzi tal-pulizija u tal-vittma nnifisha, wrew li l-klieb rikonoxxew lill-imputat u obdewh, u li hu għalaq ix-xatba wara l-inċident u offra li jħallas lill-vittma.
Il-Qorti fis-sentenza tagħha ma emmniex lil Borg meta qal li l-klieb ma kinux tiegħu, u qieset li bħala persuna li kellha l-kontroll tal-klieb, hu kien responsabbli għal dak li seħħ. Xehdet fil-każ il-kuntistabbli Susan Muscat fejn qalet li fit-12 ta’ Ottubru 2024 waqt li kienet l-għassa tal-Mosta marret Jane Farrugia li stqarret li fil-Buskett limiti tar-Rabat aggredewha xi klieb u li dawn ħarġu minn xatba li kienet miftuha.
Kelb minnhom gidimha fuq wara tal-għaksa tan-naħa tax-xellug. Wara ftit għadda ragel li kellu van, fejn hi rikbet fil-van tieghu u telagħha ħdejn sid il-kelb, fejn hemmhekk kien hemm żewġ ġuvintur. Wieħed minnhom qalilha x’kellha bżonn u meta qaltlu x’ġara huwa qalilha biex tmur għand tabib u tara xi spejjeż għandha u terġa’ tmur u jagħtihomlha.
F’dak il-hin huwa daħħal il-klieb ġewwa il-‘gate’ u għalaq. Hi talbitu l-karta tal-identità iżda hu irrifjuta u għalhekk ċemplet lill-pulizija. Kompliet tghid li l-kuntistabbli Mifsud mar fuq il-post biex jinvestiga u fil
preżenza tagħha l-imputat u qal quddiemu li l-klieb kienu tiegħu u dan offrielha biex tmur għand tabib u tivverifika xi spejjeż nefqet.
Qalet li hija għamlet kuntatt mal-kuntistabbli fejn dan pero’ qal li l-imputat ma ammettiex li l-klieb kienu tiegħu quddiemu imma li dawn jiġu u jitilqu u li dawn jidħlu mill-istess grada. Nhar it- 13 ta’ Ottubru 2024, il-mara marret l-għassa fejn ħadet stima tal-ispejjez.
Aktar tard kien imsejjaħ l-imputat fejn ingħata d-dritt li jikkonsulta mal-avukat tiegħu u hu qalilha li kien sejjer jikkonsulta mal-avukat fl-uffiċċju tiegħu u jerġa’ jmur l-għassa. Wara ftit reġa’ mar l-għassa tal-Mosta fejn stqarr li kien lest li jħallas l-ispejjeż li soffriet Jane Farrugia.
Il-partijiet ma setgħux isibu qbil dwar l-ispejjeż u nħargu l-akkużi kontra Damian Borg. Il-mara ndikat li x-xatba minn fejn kienu ħargu l-klieb u wara ftit wasal vann b’karru taż-żwiemel u sidu stqarr li l-klieb dejjem iduru hemm ġew meta stqasih jekk kienux tiegħu.
Jane Farrugia fl-24 ta’ Jannar 2025 qalet li hija kienet qed tagħmel ‘training’ ta’ kuljum fi Triq il-Buskett, il-Buskett meta kien hemm xatba miftuha u rat tliet iklieb ħergin vleġġa u attakkawha. Hija ingidmet
mill-klieb. Waqaf ragel bil-van, rikkibha gol-van biex il-klieb ma jkomplux iduruha.
Qalet li l-imputat ra d-demm nieżel ma’ saqajha u l-ħwejjeġ imqattgħin. Qalet li l-imputat qalilha ‘sinjura mur ara x’hemm spejjeż u nagħtihomlok.’ Hija ma kinitx taf x’jismu l-imputat u ghalhekk talbitu numru tal-karta tal-identita’, pero’ hu ma riedx jagħtihulha u hija qaltlu li se ċċempel lill-pulizija.
Fil-fatt hekk għamlet u li hu ġabar il-klieb ġewwa, u għalaq ix-xatba. Qalet li l-pulizija gew fuq il-post u l-imputat fetħilhom għax daqqewlu s-sirena. Tgħid li l-klieb ħarġu ghall-pulizija stess fuq il-post u l-pulizija bagħtha biex tagħmel rapport.
Tgħid li wara ċemplulha l-pulizija fejn qalulha li l-imputat ried iħallasha. Il-mara marret għand it-tabib u lill-pulizija ħadtilhom kollox inkluż l-irċevuti. Qalet ukoll li riedet titħallas tal-jiem tas-‘sick leave’ u ta’ kollox li ammontaw €280 b’kollox ippreżentati.
Kontro-eżaminata tgħid li hi ħiet aggredita fi triq miftuħa għan-nies. Tgħid ukoll li f’dawk l-inħawi ma jkunx hemm klieb slavaġġ. Tikkonferma li hemm l’għelieqi. Tikkonferma li l-klieb ħarġu minn wara x-xatba u wara daħlu minn fejn ħarġu. Ma tafx jekk l-imputat hux sid il-post. U sostniet li taf li huwa sid il-klieb għax hu hekk qalilha.
Qalet li x-xatba generalment tkun maghluqa pero’ dik id-darba kienet miftuħa. Kontro-eżaminat Jaqbel li l-klieb imxew warajh u ma għamlulu xejn. Jiċħad li ta l-impressjoni li hu sid il-klieb. Jgħid li jekk huma l-klieb ta’ warajh lilu jgħarfuh. Jikkonferma li hu għalaq ix-xatba u l-klieb daħlu ġewwa pero’ jghid li minn hemm jispiċċaw Had-Dingli.
Il-Qorti sabitu ħati ta’ l-akkużi kollha u kkundannatu multa komplessiva ta’ €500. Il-Qorti ordnat ukoll li l-imputat jħallas lill-vittma €94.43 bħala rimborż għas-somma ta’ spejjez minn dan l-inċident, iżda ma ordnatx id-distruzzjoni tal-klieb, minħabba li ma setgħux jiġu identifikati b’mod preċiż fost it-tliet klieb li attakkaw il-vittma. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Sarah Magri.