Ivan Bartolo
Shadow Minister
għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli, il-Pensjonijiet
u l-Ġlieda Kontra l-Faqar
Aktar tard għaddejt l-antoloġija lill-Partit Nazzjonalista u issa qegħdin naħdmu għal dan l-iskop flimkien.
Għamilna dan billi għexna mal-imġarrab, ma’ dak li dera jgħix fi skutella tal-abbandunati. Wara morna għand l-esperti, biex niggarantixxu pjan li jwassal lil min baqa’ lura fit-triq ġusta.
Għandi entużjażmu kbir li naqsam magħkom din l-antoloġija msemmija ’Il Quddiem b’Dinjità – liema inizjattiva se tkun imnedija nhar id-9 u l-10 ta’ Ottubru li ġej.
Dinja globalizzata
Fi kriżi internazzjonali li theżżeż is-sisien tad-dinja globalizzata bħal f’pandemija, l-aktar li jbati huwa ż-żgħir. Dawk bi ftit riżorsi, li jaqilgħuha u jikluha. Ibatu l-aktar dawk li jgħixu f’ċirkostanzi fraġli tal-ħajja, dawk li isimhom jiswa daqs patata waħda ġo xkora patata, dawk li isimhom moħbi fil-figuri tal-istatistika. Kif jgħid il-Malti, il-ħmar il-magħkus idur għalih id-dubbien. Xi wħud f’każ li jinbarxu, tarahom jiġu mfissda, mentri oħrajn li jinstelħu jafu jinqatgħu għalihom weħidhom. Qatgħu qalbhom mid-dinja ta’ madwarhom u l-ferita tfiq biss biż-żmien.
Ma nistgħux ngħidu li dawn l-inġustizzji bdew issa fi żminijietna. Ma ninsewx li f’nofs is-seklu 19, ħassieba kattoliċi ġejjin minn politika xellugija bdew jitkellmu dwar il-kisba tad-dinjità għal min hu żgħir. Ma ninsewx l-Enċiklika Rerum Novarum tal-Papa Ljun 13.
U din l-inizjattiva ’Il Quddiem b’Dinjità hija impenn favur Ġustizzja Soċjali. Kull min għandu għal qalbu din il-missjoni, ma jistax joqgħod gallarija u jgerger kontra s-sistemi oppressivi. Dan li għamilna aħna, li ħloqna paradigmi u prattiċi alternattivi biex verament pajjiżna jikkontribwixxi dak li nemmnu fih.
Naqraw diversi rapporti dwar il-qagħda tal-pajjiż, u s-sitwazzjoni taċ-ċittadini. Kulħadd jikkwota skont kif jaqbillu. Manuvrar galor! Madankollu, politiku ta’ veru li jħoss għaż-żgħir m’għandux iserraħ rasu jekk l-istatistika tgħidlu li kulħadd kuntent se jtir, u li qatt ma ntefqu flus fir-restoranti u s-safar daqs illum.
Ejjew inkunu onesti magħna nfusna. Ejjew inkunu onesti ma’ min jaqlagħha u jikolha. Politiku fid-dinja llum irid jara kif qed jitqassam il-ġid u mhux jikkwota li jaqbillu. Iż-żgħir ma jikolx bi slogans politiċi.
Inħarsu liż-żgħir
Iż-żgħir għandu jkollu preferenza biex qatt ma jaqta’ qalbu f’nofs tiġrija, biċ-ċirkustanzi tal-ħajja kif inhuma. F’dinja kompetittiva, ilkoll kemm aħna rridu naħdmu biex l-emarġinat iħossu parti minn soċjetà.
Biex iż-żgħir igawdi minn livell ta’ għajxien diċenti. M’għandniex nagħlqu għajnejna jew inħarsu n-naħa l-oħra fejn naraw it-tbatijiet. Ilkoll kemm aħna ma nistgħux inserrħu rasna għax darba kultant ngħinu f’xi maratona, jew nagħtu kaxxa preserves lil xi foodbank. Ilkoll kemm aħna rridu nimpenjaw irwieħna biex nagħrfu l-għeruq tal-inġustizzji u nfasslu politika li tippromwovi l-Ġustizzja Soċjali.
Dan li għamilna aħna f’dawn l-aħħar sentejn. Fittixna, għamilna dixxerniment, iltqajna, morna f’ras il-għajn, tgħallimna minn min hu professjonali fil-qasam u qgħadna attenti għal dak li bdejna ninnutaw.
Qlajna dak li kien fil-moħbi u ħriġna diversi punti li nnutajna għad-dawl. Permezz ta’ din l-inizjattiva rridu nindirizzaw il-kawża tad-dlam u t-tbatijiet. Issa ma nistgħux naqraw biss u nagħmlu tnedijiet sbieħ u nieqfu hemm. Issa jeħtieġ li jkollna l-kuraġġ nirrimedjaw inġustizzji li ilhom li ntgħaġnu fl-istituzzjonijiet u s-sistemi tagħna.
Dak li sejrin nippreżentaw huwa kuntest wiesa’ ta’ realtajiet soċjali ta’ faqar li jwassal għal nuqqas ta’ saħħa mentali. Dan kollu relatat mal-kwalità tal-ħajja.
Għal min isegwi, qed jirrealizza li proporzjon kbir minn poplu sħiħ qed juri sintomi ta’ saħħa mentali. Indikazzjonijiet juru li fatturi soċjali li jaffettwaw is-saħħa mentali qed jonqsu fil-kwalità. Kulħadd jisma’ bi stejjer iebsa li tiskot quddiemhom.
Fiċ-ċentru tal-politika
L-impenn tagħna jisħaq il-ħtieġa sabiex is-saħħa mentali titqiegħed fiċ-ċentru tal-politika tal-Gvern, sabiex il-poplu jerġa’ jibda jgawdi kwalità ta’ ħajja sana, li twassal għal titjib fil-kwalità tas-saħħa mentali tiegħu.
Kulħadd huwa fid-dover li jieħu ħsieb is-saħħa mentali tiegħu, madankollu hija responsabbiltà tal-Gvern li jieħu ħsieb il-kwalità tal-ħajja tagħna lkoll. Din it-tip ta’ governanza ssaħħaħ il-Ġustizzja Soċjali u tgħin poplu sħiħ jgħix il-ħajja b’mod aktar seren, u jħares is-saħħa mentali tiegħu.
Għalhekk qed inħarsu lejn mudell ekonomiku ġdid. Mudell li jħares il-ġid soċjali u l-komunità. Mudell li jħares aktar lejn il-kuntentizza milli dak li mudell li moħħu biss kif se jdawwar lira. ’Il Quddiem b’Dinjità huwa proġett li jħares lejn dak l-anzjan li jixtieq jibqa’ jgħix sal-aħħar ta’ ħajtu fil-komunità, iħares ukoll lejn uliedna u wlied uliedna li jkollhom spazji fejn jilagħbu u li dawn l-ispazji pubbliċi ma jinħatfux mill-kummerċ. L-inugwaljanza ma teżistix biss fil-materjal, fil-but mimli, imma anki fil-kuntentizza tal-qalb.
Inħarsu s-saħħa mentali
Jekk tassew irridu saħħa mentali u nafu li bosta huma mdejqin bl-użu tal-ħin tagħhom, allura rridu naraw x’se nagħmlu għal djar affordabbli, u mhux biex tlaħħaq mal-loans trid taħdem minn tlugħ ix-xemx sa nżulha. ’Il Quddiem b’Dinjità jitfa’ ħarstu lejn ġimgħat ta’ xogħol b’inqas sigħat, fuq sistemi ta’ ħin ta’ xogħol iktar flessibbli. Nafu li Malta tinsab fost l-ewwel għaxar pajjiżi fid-dinja fejn jidħol stress, mela jeħtieġ naraw x’qed jikkawża dan.
Is-soluzzjoni tinsab fir-rieda politika. Forsi jkun hawn min jgħidli: “Kompli oħlom” …. u t-tweġiba tiegħi hija sempliċi …. “kompli oħlom miegħi.”
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 21 ta’ Settembru, 2025.
//= $special ?>