Futbol Sport

Ousmane Dembele rebbieħ tal-Ballon d’Or

Ousmane Dembele
Ousmane Dembele

Ousmane Dembele ta’ PSG għadu kif rebaħ l-unur tal-aqwa plejer tal-futbol fid-dinja. Waqt ċerimonja li saret f’Théâtre du Châtelet, f’Pariġi, il-winger internazzjonali Franċiz rebaħ għall-ewwel darba il-Ballon d’Or wara li kellu staġun 2024/25 mill-aqwa.

Il-plejer ta’ 28 sena, rebaħ ħames unuri, bir-rebħ tal-Ballun tad-Deheb ikun is-sitt wieħed u li jiġbor is-suċċessi kollha li l-istilla Franċiza kellu matul l-istaġun li għadda.

Dembele renaħ il-UEFA Champions League, il-Ligue 1 ta’ Franza, it-Tazza Franċiza, il-UEFA Super Cup u t-Trophée des Champions.

Dembele, li kien l-akbar favorit li jirbaħ dan l-unur sa minn qabel is-serata tal-lejla, għeleb il-kompetizzjoni diretta taż-żagħżugħ Spanjol, Lamine Yamal li għad għandu 18-il sena u jilgħab ma’ Barcelona.

Waqt dan l-istaġun maġiku għall-eks plejer ta’ Borrusia Dortmund u Barcelona fost l-oħrajn, hu lagħab għal PSG 53 darba, skorja 35 gowl u serva 16-il assist.

Fit-tielet post kien ivvutat Vitinha, kollega ta’ Dembele ma’ PSG, b’Mohamed Salah u Raphinha jispiċċaw fir-raba’ u l-ħames post rispettivament.