Lokali Qorti

Sentenza sospiża wara ħarab lill-Pulizija u ħabat ma karozza oħra meta kien qed isuq bla liċenzja

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Lara Lanfranco semgħet il-każ ta’ Stacey Chircop, raġel ta’ 54 sena mingħajr indirizz fiss, li kien mixli b’diversi reati wara li ħarab mill-pulizija, saq b’mod perikoluż u ġie arrestat wara li ħabat ma’ karozza ipparkjata u ħarab minn fuq il-post. Irriżulta li kien qed isuq ukoll bla liċenzja.

L-inċident seħħ fis-sigħat bikrin tal-21 ta’ Settembru, meta l-akkużat, wara li nnota lill-pulizija, daħal fil-karozza tiegħu u ħarab, u hawn jiġbed is-suspetti li wasslu biex il-pulizija ssegwih. Huwa beda jsuq b’veloċità eċċessiva u kontra l-kurrent tat-traffiku, saħansitra faqa’ t-tajer tal-vettura tiegħu wara li laqat bankina, iżda baqa’ jsuq sakemm ħabat f’karozza oħra u ħarab minn fuq il-post bil-mixi.

Il-pulizija segwietu u arrestawh, u fil-vettura tiegħu nstabu diversi oġġetti li normalment jintużaw f’serq, fosthom żbolt cutter’, “screw driver’, kif ukoll sikkina mingħajr permess, fost oġġett oħra. Il-Qorti semgħet ix-xhieda tal-Ispettur Sarah Kathleen Zerafa dwar iċ-ċirkostanzi tal-arrest, u nnotat li l-arrest kien validu.

Chircop wieġeb ħati għall-akkużi kollha miġjuba kontrih, fosthom ħsara involontarja lil vettura, sewqan perikoluż, sewqan mingħajr liċenzja u assigurazzjoni, nuqqas li jobdi l-ordnijiet tal-pulizija, pussess ta’ oġġetti relatati ma’ serq, pussess ta’ sikkina mingħajr permess u r-reċidiva.

Id-difiża, immexxija mill-avukat Franco Debono, sostniet li l-akkużat kien kooperattiv mal-awtoritajiet u rrimarkat li l-maġġoranza tal-akkużi kienu relatati mat-traffiku. Huwa saħaq ukoll li l-akkużat kellu “passat avventuruż” iżda kien ilu aktar minn 10, snin mingħajr problemi mal-liġi, u għalhekk pena sospiża kienet xierqa.

Il-Qorti, wara li rat il-provi u l-argumenti, ikkundannat lil Chircop sitt xhur ħabs sospiżi għal sentejn, flimkien ma’ multa ta’ €500. Barra minn hekk, ordnat il-konfiska tal-oġġetti li nstabu fil-karozza u pprojbixxiet lill-imputat milli jżomm liċenzja tas-sewqan. Il-prosekuzzjoni kienet immexxija mill-Ispettur Sarah Kathleen Zerafa, filwaqt li l-avukat Franco Debono deher għad-difiża.