Lokali Qorti

Serq ta’ miljuni ta’ sigaretti: Konfermata l-ħtija imma stennija għall-proċeduri Kostituzzjonali

Il-Qorti tal-Appell Kriminali, ippreseduta mill-Imħallef Edwina Grima, ikkonfermat il-ħtija fil-konfront ta’ Malcolm Zammit, Christopher Calleja, Roderick Borg u Sebastian Zammit b’rabta mas-serq ta’ kontejner mill-Port Ħieles li kien iġorr aktar minn 10 miljun sigarett. Il-każ imur lura għal Awwissu tal-2015.

Madankollu, il-Qorti nnutat li l-pieni imposti – priġunerija u multi ta’ miljuni ta’ ewro – jistgħu jkunu sproporzjonati mal-fatti tal-każ. Il-Qorti ċaħdet parzjalment, iżda fl-istess ħin laqgħet l-aggravju dwar il-pieni u ddeċidiet li tiddifferixxi l-appelli tagħhom sakemm il-proċeduri kostituzzjonali jiġu deċiżi b’mod definittiv.

Huma kienu ġew ikkundannati għal priġunerija li b’kollox tammonta għal 12-il sena ħabs u multa ta’ €6.6 miljun kull wieħed, li parti minnha titqies bħala dejn ċivili u għalhekk tista’ tiġi konvertita fi priġunerija jekk ma titħallasx.

L-irġiel qalu li tali pieni kienu ħorox iżżejjed u li kisru d-drittijiet fundamentali tagħhom taħt il-Kostituzzjoni u l-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Il-Qorti tal-Appell ma sabitx li għandha setgħa biex tiddeċiedi direttament fuq dawn il-kwistjonijiet kostituzzjonali, hija rrimarkat li l-ilment dwar l-isproporzjonalità tal-pieni iżda lanqas ma seta’ jiġi injorat.

Għalhekk, filwaqt li kkonfermat il-ħtija tal-imputati, hija rreferiet il-kawża lill-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili (sede kostituzzjonali) sabiex din tiddeċiedi jekk id-dispożizzjonijiet tal-liġijiet applikabbli – fosthom il-Kodiċi tad-Dwana, l-Att dwar id-Dazju tas-Sisa u l-Att dwar il-VAT – humiex jiksru l-prinċipju ta’ proporzjonalità u d-drittijiet protetti mill-Kostituzzjoni u l-Konvenzjoni Ewropea.

L-avukati Mark Vassallo, Edward Gatt u Veronique Dalli dehru għal Roderick Borg u Christopher Calleja, filwaqt li Roberto Montalto u Joe Giglio dehru għal Malcolm Zammit u Sebastian Zammit.