Internazzjonali

Spinta ta’ vjolenza qabel il-laqgħa tan-Nazzjonijiet Uniti

L-attakki tal-Iżraeljani fuq il-belt ta’ Gaza u l-madwar baqgħu għaddejjin anki wara li r-Renju Unit, il-Kanada u l-Awstralja esprimew l-għarfien uffiċjali għall-Istat Palestinjan… rikonoxximent storiku li fl-aħħar sigħat kien segwit ukoll mid-dikjarazzjonijiet simili tal-Portugall u Franza – konferma  eżatt qabel il-ftuħ tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, fil-belt ta’ New York.

Il-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu, permezz ta’ filmat, stqarr ċar u tond li t-tragward ta’ Stat Palestinjan mhux se jkun irrealizzat. Dan waqt li Iżrael għadu akkost ta’ kollox determinat li jeqred kompletament lill-Ħamas li jqishom bħala theddida reali u kontinwu għas-sigurtà tal-poplu tiegħu.

L-aħħar rapporti dwar l-offensiva militari tal-Iżraeljani  referew għal mill-anqas 30 vittma oħra – fil-parti kbira taghhom fil-belt ta’ Gaza.

Dan waqt li l-Armata Iżraeljana qed teqred dejjem aktar bini fost l-okkupazzjoni tad-distretti fil-Belt ta’ Gaza.

Fl-aħħar sigħat, bdew jaslu kwantità akbar ta’ suldati f’dawk l-inħawi bħala parti mill-istrateġija ta’ Iżrael biex jieħu l-Belt ta’ Gaza kompletament taħt idejh. Fl-istess ħin, il-Ġenerali tal-Armata ħarġu stqarrija fejn qalu li l-bini meqrud kien qed jintuża mill-Ħamas …. u li s-suldati tagħhom irnexxielhom joqtlu madwar 20 terrorista f’anqas minn ġurnata.

Iżda l-Palestinjani qed jgħidu li l-militar Iżraeljan mhux jiddiskrimina fl-azzjonijiet tiegħu u li nqatlu numru ta’ familji waqt l-offensiva – b’ħafna mill-katavri jinsabu mirdumin taħt il-fdalijiet ta’ djarhom.

L-offensiva tal-Iżraeljani diġà sfurzat lill-mijiet tal-eluf tal-Palestinjani biex jaħarbu mill-Belt ta’ Gaza lejn il-periferiji u lejn in-nofsinar. Dan meta t-toroq prinċipali, bħalissa, huma pakkjati bir-refuġjati li qegħdin jaħarbu mill-qilla tal-attakki fuq iz-zoni tagħhom.

Sa issa…. aktar minn 150 pajjiż jirrikonoxxew lill-Istat tal-Palestina, bil-Ministru Portugiż għall-Affarijiet Barranin,  Paulo Rangel, jiżdied mal-Mexxejja Ewropej l-oħra li jridu jaraw it-tfassil tas-soluzzjoni li tippermetti għall-koeżistenza ta’ Iżrael u l-Palestina bħala Stati ġirien.