Samuel Cassar rebaħ midalja tal-bronż fil-Peru International Series 2025 fejn kien il-protagonista fis-serje ta’ suċċessi għal Badminton Malta b’total ta’ erba’ midalji mirbuħa minn plejers Maltin fix-xena internazzjonali.
Waqt li kkompeta f’kompetizzjoni fiċ-ċirkwit dinji tal-Federazzjoni Dinjija tal-Badminton f’Lima, fil-Peru, Samuel Cassar flimkien ma’ Enrico Asuncion tal-Istati Uniti, fid-Doubles tal-Irġiel, taw wirja b’saħħitha biex avvanzaw għas-semifinali. Riżultat ieħor importanti u punti ta’ klassifika għall-plejer Malti fuq livell internazzjonali.
Fl-istess tournament Matthew Abela, flimkien ma’ Maxim Grinblat, għamel prestazzjoni soda biex laħaq il-kwarti tal-finali tal-istess kompetizzjoni. Abela u Grinblat rebħu wkoll midalja tal-bronż fil-Costa Rica Future Series.
Is-suċċess kompla fil-livell tal-juniors fl-Ewropa fil Li-Ning Zagreb Youth Open fil-Kroazja. Tnejn mill-plejers żgħażagħ li jippromettu kisbu wkoll midalji tal-bronż. Jade Bartoli fil-kategorija tas-Singles tal-Bniet Taħt il-11-il sena, filwaqt li Matias Casaru kiseb il-bronż tiegħu fid-Doubles tas-Subien Taħt it-13-il sena flimkien ma’ Ivan Ivanov.
//= $special ?>