Lokali

Evidenti li għandhom dubji serji dwar il-proġett tal-Metro

Il-Gvern reġa’ ħolom bil-proġett tal-metro. Proġett li fi kliem Robert Abela stess, jaf idum madwar 20 sena biex jitwettaq.

Kien propju erba’ snin ilu meta l-Gvern ta’ Abela kien qabbad konsulenti barranin; u issa reġa’ dar fuqhom biex jieħu l-pariri.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg, minn mindu ġie elett, kemm-il darba tkellem dwar il-bżonn urġenti ta’ sistema moderna ta’ trasport tal-massa, għaliex is-sitwazzjoni fit-toroq tagħna bħalissa mhijiex waħda funzjonabbli. Bil-popolazzjoni dejjem tikber u l-ammont ta’ karozzi fit-toroq tagħna dejjem qed jiżdied, qed nispiċċaw f’konġestjoni kbira li tħalli impatt ħażin anke fuq is-saħħa mentali tal-poplu.

U issa, Abela reġa’ qajjem dan il-proġett… propju wara li tkellem Alex Borg. Għalkemm huwa evidenti li fil-Kabinett tal-Ministri, hemm uħud li għandhom dubji serji dwar il-metro.

Net News staqsa lil diversi Ministri oħra fosthom, il-Ministru tal-Ambjent Miriam Dalli li qalet li kull alternattiva għandha tiġi evalwata. Filwaqt li oħrajn qed jirrimarkaw fuq l-ispiża biex issir il-metro… u anke ż-żmien li tieħu.

Jibqa’ l-fatt li l-Labour ilu 12-il sena fil-poter, u sa issa l-pajjiż għadu mingħajr soluzzjoni għat-traffiku jew sistema moderna ta’ trasport tal-massa.