Lokali Parlament

Fl-aħħar 10 snin trippla l-ammont ta’ nies li fittxew l-għajnuna dwar il-kokaina

Ivan Bartolo, PN

Id-Deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo qal fil-parlament li fl-aħħar 10 snin trippla l-ammont ta’ nies li fittxew l-għajnuna dwar il-kokaina.

Ivan Bartolo qal li l-ħażin qisu xejn mhu xejn u kompla li il-bnedmin li jkollhom vizzji jispiċċaw iżolati mis-soċjetà. Hurrikonoxxa l-ħidma tal-professjonisti bħal Sedqa, Oasi u l-Caritas. Hu tkellem dwar is-servizzi ta’ prevenzjoni, il-vojt ta’ peesuni li jkunu ġarrbu, il-familji mġarrba u dawk li jħaddmu magħhom persuni li jkunu għaddew mill-vizzji.

Dawn huma raġġ dawl għas-soċjetà, sostna Ivan Bartolo, li kompla li mhux dejjem kulħadd ikun jista’ jgħin lill-persuni vulnerabbli fosthom dawk bla dar.

Id-deputat Nazzjonalista tkellem ukoll dwar persuni li joħorġu mill-ħabs u jispiċċaw fit-toroq u semma’ l-problema kbira tad-droga fil-pajjiż. Il-persuni qed jiżżarmaw u l-familji qed jitkissru, sostna Ivan Bartolo, li kompla li għandhom jissaħħu s-servizzi solidali li hawn fil-pajjiż.

Jeħtieġ iktar taħriġ lill-għalliema, lill-infermiera, lill-pulizija u persuni orħa li jiġu f’inkontru mal-persuni li jkunu f’diffikultà. Importanti li jkun hemm iktar programmi ta’ għajnuna lil dawk li jkunu għaddejjin minn din l-isfida u lill-familji tagħhom.

Hu appella beix issir evalwazzjoni serja dwar l-aħħar tliet snin minn meta daħlet il-liġi tal-kannabis. Fl-aħħar 10 snin trippla l-ammont ta’ nies li jittxew l-għajnuna dwar il-kokanina. Fl-2020/22 kien hemm 900 persuna li talbu għajnuna minħabba d-droga kokaina u kannabis.