Lokali

“Għad hemm postijiet tax-xogħol li ma jissodisfawx il-bżonnijiet tal-għalliema” – L-MUT

Fil-bidu tas-sena skolastika l-MUT qed twassal aktar proposti sabiex tkompli ttejjeb is-settur edukattiv u l-kundizzjonijiet tal-edukaturi, kif għamlet matul l-aħħar snin bil-ftehimiet kollettivi u settorali.

Il-proposti mressqa mill-MUT bħala parti mill-konsultazzjoni tal-budget jinkludu kif tindirizza d-diskrepanza fir-rati tat-taxxa, ir-right to disconnect, miżuri dwar iż-żidiet fil-popolazzjoni tal-iskejjel u l-impjieg ta’ persuni rtirati, fost l-oħrajn.

Il-proposti kollha jinsabu hawn taħt:
Diskrepanza fir-rata tat-taxxa – Id-diskrepanza fir-rata tat-taxxa għal xogħol part-time qed tiskoraġġixxi lill-edukaturi milli jipprovdu servizzi addizzjonali lil min iħaddimhom. Hija ironika li edukatur li hu impjegat mal-Istat jiġi intaxxat b’rata ogħla meta jagħti servizz lill-MATSEC, l-UM, l-MCAST, l-ITS jew l-IFE, meta mqabbel ma’ edukatur li hu impjegat ma’ skola tal-Knisja jew indipendenti. L-MUT qed titlob li din is-sitwazzjoni tkun riveduta.

Xogħol part-time waqt l-irtirar – Minkejja l-età uffiċjali tal-irtirar, l-impjegati jistgħu jagħżlu li jirtiraw qabel l-età ta’ 65, dment li jkunu kkontribwew biżżejjed għall-Assigurazzjoni Nazzjonali (l-NI). L-MUT tipproponi li dawk li jagħżlu li jirtiraw qabel l-età uffiċjali tal-irtirar jitħallew ikomplu jaħdmu part-time (numru limitat ta’ sigħat) mingħajr ma jitilfu l-ebda pensjoni. Dan jikkontribwixxi biex jiżdied in-numru tal-ħaddiema, speċjalment f’setturi li fihom diffiċli biex jinstabu r-riżorsi umani neċessarji – fosthom l-edukazzjoni. Wieħed irid jikkunsidra l-fatt li f’dik l-età jistgħu jinqalgħu problemi ta’ saħħa li jagħmluha diffiċli biex wieħed jikkommetti ruħu għal xogħol full-time.

Assigurazzjoni – L-MUT tipproponi li tkun provduta kopertura tal-assigurazzjoni għall-impjegati kollha tas-Servizz Pubbliku, bħalma jiġri fil-każ ta’ diversi entitajiet pubbliċi u privati. Tista’ tkun provduta kopertura bażika li jkun jista’ jżid magħha l-impjegat.

Taħriġ – Waqt il-ħin tax-xogħol għandu jingħata taħriġ adegwat fis-servizz (in-service training) fl-aġġornament, it-taħriġ mill-ġdid u t-trasferibbilità tal-ħiliet biex ninkoraġġixxu lill-impjegati jaġġornaw ruħhom fil-prattiki tax-xogħol, iktar u iktar meta tikkunsidra l-iżviluppi ġodda fl-Intelliġenza Artifiċjali u l-impatt li qed tħalli fuq id-dinja tax-xogħol.

L-ambjent tax-xogħol – Għad hemm postijiet tax-xogħol li ma jissodisfawx il-bżonnijiet bażiċi tal-lum il-ġurnata. Dawn il-bżonnijiet jinkludu l-arja kkundizzjonata u manutenzjoni kif suppost. Għandu jsir investiment biex ikun assigurat li l-postijiet tax-xogħol ikunu aġġornati b’mod xieraq.

Tisħiħ tal-lingwa u l-kultura Maltija – L-MUT tipproponi li jittieħdu miżuri mandatorji fuq livell nazzjonali biex titħares u tissaħħaħ il-lingwa Maltija. Jekk ma jsirux sforzi konkreti min-naħa tal-gvern, il-lingwa Maltija għad tintilef fi żmien ftit deċennji. Il-Malti għandu jkun il-mezz ewlieni ta’ komunikazzjoni fl-istituzzjonijiet pubbliċi kollha. L-attivitajiet kollha għandhom isiru bil-Malti, u l-Ingliż jew lingwi oħra jintużaw biss għall-bżonn. Is-sinjali u t-tabelli fil-postijiet pubbliċi għandhom ukoll ikunu bil-Malti. Barra minn hekk, l-impjegati kollha b’mod mandatorju għandhom jingħataw opportunitajiet xierqa biex jintegraw ruħhom fil-kultura u l-lingwa ta’ pajjiżna, liema opportunitajiet għandhom jinkludu t-tagħlim tal-Malti.

Iż-żieda fil-popolazzjoni – Għandu jkun ikkummissjonat studju li jevalwa l-effett tal-preżenza u l-ammont tal-istudenti barranin fl-iskejjel tagħna, l-effett fuq l-użu u l-iżvilupp tal-lingwa, differenzi kulturali u fl-edukazzjoni, il-pressjoni u d-dinamiki tal-popolazzjoni tal-iskejjel, il-pressjoni fuq l-edukaturi minħabba diversi problemi li jirriżultaw mis-sitwazzjoni, l-involviment tal-ġenituri fl-iskejjel u l-interazzjoni tagħhom mal-edukaturi, realtajiet finanzjarji u l-effett tagħhom fuq l-attivitajiet tal-iskola, u realtajiet differenti f’setturi diversi minħabba l-istudenti barranin. Dan għandu jwassal biex jittieħdu l-miżuri meħtieġa biex tkun indirizzata s-sitwazzjoni.

Skejjel ġodda – Skejjel jew istituzzjonijiet edukattivi ġodda m’għandhomx jinbnew Barra miz-Zona tal-Iżvilupp. Is-settur tal-edukazzjoni għandu jagħti eżempju u jħares il-ftit art rurali jew mhux żviluppata li fadal fil-gżejjer tagħna. Il-politika tal-ippjanar tal-gvern għal skejjel u istituzzjonijiet edukattivi ġodda trid tħaddan dawn il-prinċipji.

Id-dritt li wieħed jaqta’ mid-dinja tax-xogħol (the right to disconnect) – Il-gvern Malti għandu jkun pijunier fl-implimentazzjoni ta’ politika u/jew liġijiet favur il-ħarsien tal-bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol għall-impjegati kollha, mingħajr ma jistenna lill-UE biex tgħaddi l-liġijiet tagħha. Fl-assenza ta’ dan, l-effett negattiv fuq il-benesseri tal-impjegati huwa evidenti. Huwa meħtieġ ukoll qafas ta’ infurzar biex isseħħ l-implimentazzjoni meħtieġa.