“Ipokrezija grassa ta’ gvern li jgħid li għandu l-polz tal-poplu f’idejh u jagħmel mod ieħor.”
Hekk iddikjara d-Deputat Nazzjonalista Ryan Callus waqt intervista fuq il-programm Xtra, ippreżentat minn Saviour Balzan, li matulha ġie diskuss l-iskandlu tal-Fortina.
Ryan Callus iddikkjara li meta kien fil-bord tal-gvernaturi l-istima propja kienet ta’ tnax-il miljuni u mhux ta’ tmien miljuni. U kien għal dik ir-raġuni li l-Partit Nazzjonalista, li żvela dan l-iskandlu, illi vvota kontra f’dak l-istadju.
Huwa sostna li rridu nirrikonoxxu kif ġraw l-affarjiet u li l-iskandlu tal-Fortina beda bħala skandlu għax il-Partit Nazzjonalista sab li l-Fortina kienu se jħallsu tmien miljuni u xi ħadd iddeċieda jaħfer ammont kbir ta’ flus.
Id-deputat Ryan Callus spjega kif sar jaf bit-tielet valutazzjoni tal-Grant Thorton meta mar quddiem l-Awditur Ġenerali. Huwa stqarr li ma kienx jaf li kienet teżisti dik l-istima, u xxokkja ruħu.
Waqt l-istess intervista Callus semma kif, meta mar għand l-Awditur Ġenereali, il-Viċi Prim Ministru u l-Ministru għall-Affarjiet Barranin Ian Borg ikkonferma li kien jaf b’dak li kien seħħ u m’għamel xejn. U issa li ħareġ ir-rapport qed jiddeċiedi li jieħu azzjoni – dan juri biċ-ċar irresponsabbilta politika assoluta min-naħa tal-Ministru.
B’reazzjoni għal dan, id-deputat Laburista Alex Muscat qal biss li qed jipprova jiddevja mis-suġġett.
Intant, Alex Muscat prova jwaħħal fil-fatt li r-realtajiet inbidlu. Hu kompla jaqbeż għal Ministru Ian Borg billi qal li kien iċċara fil-Parlament li r-rapport tal-Grant Thorton ħareġ wara li l-NAO daħal fil-każ – u mhux qabel. Stqarr ukoll li ma jafx li l-Imħallef Lino Farrugia Sacco kellu f’idejh dan ir-rapport – fl-istess waqt li l-Grant Thornton ikkonfermaw dan kollu.
Il-każ tal-Fortina qed ikun deskritt bħala skandlu ieħor tal-Gvern; u serq ta’ miljuni li setgħu marru fil-bwiet tal-Maltin u l-Għawdxin.