Lokali Qorti

Ħames snin ħabs wara li seraq flus lil xufier tal-‘cabs’ u seraqlu l-karozza

il-Qorti tal-Maġistrati, preseduta mill-Maġistrat Leonard Caruana, tat sentenza ta’ ħames snin ħabs fil-konfront ta’ Mahmoud Moghrabi, ta’ 35 sena, mwieled it-Tuneżija u li joqgħod l-Imsida wara li nstab ħati għal diversi reati fosthom b’serqa bil-vjolenza, arrest illegali, u ksur ta’ kundizzjonijiet ta’ ħelsien mill-arrest u sentenza sospiża.

Wieħed mill-każijiet jirrigwarda hold-up li seħħ fit-13 ta’ Mejju 2023 fi Triq il-Wied, l-Imsida, meta Moghrabi, li huwa magħruf sew mal-Pulizija bbukkja eCabs taħt l-isem falz ta’ “Robert”, tela’ fil-karozza u ta nota lix-xufier Alden Azzopardi b’ordni biex iħalli l-vettura, il-flus u l-affarijiet personali tiegħu.

Ix-xufier irrakkonta kif l-aggressur poġġielu oġġett iebes u kiesaħ ma’ għonqu, li f’dak il-ħin ħassu bħala arma. Moghrabi ħa €226 mingħand ix-xufier, ordnalu joħroġ mill-vettura u telaq biha. Il-pulizija segwew il-vettura permezz tas-sistema tat-tracking u sabuha fi Triq il-Ħarrub, l-Imsida, fejn sabu lil Moghrabi ineħħi n-numri tar-reġistrazzjoni.

Minn naħa tiegħu l-ħati kien qal lill-Pulizija li ma kellux armi fuqu iżda dak li ħass kiesaħ ix-xufier ma’ għonqu kien pajp tal-kokaina. Fuqu nstabu diversi oġġetti inkluż mobile phone, sim card u dokumenti personali tiegħu.

Ġew elevati wkoll il-karta li ta lix-xufier u numri tar-reġistrazzjoni serqu minn vettura oħra. Moghrabi ammetta li kien hu li ppjana u wettaq il-hold-up, u sostna li għamel dan minħabba l-vizzju tad-droga, iżda insista li ma kellux arma tan-nar u li uża pipa tal-kokaina biex iqarraq lix-xufier.

Ix-xhieda tal-vittma, tal-pulizija u l-provi materjali inklużi CCTV, il-mowbajl, il-karta u l-wallet ikkonfermaw l-involviment dirett tiegħu. Il-Qorti rrimarkat li Moghrabi kien diġà ngħata ċans permezz ta’ kundizzjonijiet ta’ ħelsien mill-arrest u sentenza sospiża, iżda xorta reġa’ kkommetta reat serju.

Mahmoud Moghrabi, li qal li jaħdem fil-qasam tal-kostruzzjoni kien tressaq il-Qorti mis-Supretendent Jonathan Ransley u l-Ispettur Lydon Zammit li qalu li l-inċident kien seħħ għall-ħabta tad-9pm. Huwa nstab ħati li ġarr arma u li seraq għadd ta’ pjanċi.

Intqal, li l-Pulizija rnexxielha ssib il-karozza fi żmien nofs siegħa, fi Triq il-Ħarrub, f’Santa Venera. L-akkużat instab qed jibdel il-pjanċi tal-karozza m’oħrajn li seraq minn karozzi oħra li kienu pparkjati fl-inħawi u ġie arrestat.

Il-Qorti sabitu ħati tas-serqa aggravata, arrest illegali, ksur ta’ kundizzjonijiet ta’ ħelsien mill-arrest u ta’ sentenza sospiża, kif ukoll reċidiv. Għaldaqstant, il-Qorti kkundannatu għal piena ta’ ħames snin ħabs effettiva.

Barra minn hekk, irrevokat il-ħelsien mill-arrest u ordnat li s-somma ta’ €5,000 f’depożitu u garanziji tingħata lill-Gvern ta’ Malta. Moghrabi ġie marbut ukoll b’garanzija personali ta’ €2,000 għal sena biex ma jmolestax jew jdejjaq lill-vittmi. Fl-aħħar nett, ġie ordnat iħallas l-ispejjeż tal-proċeduri li jammontaw għal €253.40. Huwa ġie mmultat ukoll is-somma ta’ €200.

Il-Maġistrat Caruana enfasizza li l-agħar fattur kien li l-akkużat uża intimidazzjoni fuq xufier ta’ taxi li kien sempliċement jaqdi xogħlu, u dan filwaqt li kien diġà taħt sentenza sospiża u kundizzjonijiet ta’ libertà proviżorja. Fis-sena 2021 huwa kien tressaq ukoll il-Qorti mixli bi 18-il akkuża, li kienu relatati l-aktar ma’ serq.

F”Lulju li għadda kien ukoll tressaq il-Qorti fuq serqa armata li seħħet f’Pembroke fejn allegatament ipponta arma lejn żagħżugħ qabel seraqlu l-basket. Moghrabi kien ġie mixli wkoll li kiser tliet setijiet ta’ kundizzjonijiet ta’ ħelsien mill-arrest, kif ukoll ordni ta’ trattament, barra li kien imqies bħala reċidiv.