Lokali

“Il-bieb jinsab miftuħ għal kulħadd” – Alex Borg

Ma nistgħux nibqgħu nħarsu lejn il-passat – irridu nħarsu ‘l quddiem b’entużjażmu, tama u enerġija – il-bieb miftuħ għal kull min jixtieq jagħti s-sehem tiegħu fil-Partit Nazzjonalista.

Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg f’intervista mal-ġurnalist Tim Diacono minn Lovin Malta fejn saħaq li fl-aħħar jiem bdew jitesseraw mal-Partit Nazzjonalista nies ġodda, inkluż żgħażagħ.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg faħħar il-ħidma li qiegħed iwettaq George Vital Zammit b’rabta mal-programm elettorali tal-Partit Nazzjonalista filwaqt li insista li l-prijorità kemm għall-Gvern kif ukoll għall-Oppożizzjoni għandu jkun l-ambjent sostenibbli.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista spjega li Gvern Nazzjonalista mhux biss iħares lejn l-ambjent bħala dritt fil-Kostituzzjoni ta’ Malta iżda joħloq niċeċ ekonomiċi ġodda.

Fost il-proposti li qed jimbotta l-Partit Nazzjonalista taħt it-tmexxija ta’ Alex Borg hemm ukoll l-urġenza li f’pajjiżna jittaffa t-traffiku mhux biss permezz tal-AI iżda permezz ta’ trasport tal-massa effettiv. Dan bi proposti tanġibbli – bil-Kap tal-Partit Nazzjonalista jisħaq li pajjiżna għandu jmur għal trasport tal-massa.

Intant, Alex Borg saħaq li l-Partit Nazzjonalista se jkun qiegħed jimmassimizza kull proprjetà li għandu sabiex jiġġenera aktar introjtu permezz tal-kummerċjalizzazzjoni. U ċaħad il-gideb tal-midja Laburista hekk kif insista li l-finanzjament tal-partiti ma jfissirx li jieħu minn but il-poplu – iżda li jkollok trasparenza u kontabbiltà.

Finalment huwa saħaq li fil-jiem li ġejjin se jkun qiegħed iressaq emenda quddiem l-Amministrattiv u l-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista sabiex jerġa’ jinħoloq l-irwol ta’ Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Affarijiet tal-Parlament – proċess li eventwalment iwassal għall-vot minn naħa tat-tesserati.