Lokali Parlament

Il-Gvern innormalizza l-użu tad-droga u issa qed inbatu l-konsegwenzi

Caludette Buttigieg, PN

Id-Deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg sostniet fil-Parlament li l-Gvern innormalizza l-użu tad-droga fil-pajjiż biex issa l-pajjiż qed ibati l-konsegwenzi b’diversi inċidenti u traġedji fit-toroq Maltin.

Claudette Buttigieg qalet li l-Parlament qed jagħmel pass importanti u li fih jifhem is-serjetà tas-sitwazzjoni b’messaġġ qawwi li jbiddel il-mentalità fil-kultura.

Id-deputat Nazzjonalista qalet li jrid ikun ikkunsidrat il-prezz li jrid jitħallas jekk ma jsir xejn u sostniet li fil-pajjiż hawn kriżi fit-teħid tad-droga. Dan il-pajjiż innormalizza l-abbuż tax-xorb u d-droga, sostniet id-deputat Nazzjonalista, li kompliet li mhuwiex isir biżżejjed biex ma tkomplix issir ħsara.

Hi qalet li r-road blocks qed iwasslu biex in-nies jaħsbuha darbtejn jixorbux. Din il-liġi għandha terġa’ tagħti r-rispett lil min jilbes l-uniformi, sostniet id-deputat Nazzjonalista, li kompliet li din il-liġi mhijiex attakk fuq il-libertajiet ċivili.

Id-deputat Nazzjonalista kompliet li l-gvern bagħat messaġġ li kulħadd jista’ jikkonsuma d-droga u appellat li d-droga, ix-xorb u s-sewqan ma jmorrux flimkien. Hi appellat biex ikun hemm kontroll fuq ix-xorb fir-ristoranti.