Robert Cutajar, PN
Il-Whip tal-Oppożizzjoni d-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar sostna fil-parlament li l-gvern kellu jaċċetta l-proposti tal-għaqdiet dwar id-droga biex ma jkunx hawn problemi kbar fis-soċjetà.
Robert Cutajar appella lill-gvern biex ma jgħaġġilx fuq il-liġijiet li jressaq fil-parlament u żied li f’din il-liġi dwar is-sewqan taħt l-effett tal-alkoħol u d-droga kien hemm kunsiderazzjoni tal-proposti li ressqu diversi għaqdiet. Hu sellem lill-għaqdiet li qed jagħmlu ġid kbir fis-soċjetà u qal li għandu jkun hemm miżuri iebsa biex ikunu mrażżna r-raġunijiet tal-imwiet fit-toroq.
Id-deputat Nazzjonalista tkellem dwar l-infrastruttura fit-toroq u qal li mhuwiex aċċettabbli li jitħallew oġġetti fit-toroq wara li jkunu tlestew ix-xogħlijiet fit-toroq u l-bankini. Jeħtieġ ikun hemm iktar dixxiplina fuq il-kuntratturi li jkunu wettqu x-xogħlijiet fit-toroq.
Robert Cutajar kompla li l-edukazzjoni tħalli effetti pożittivi fuq il-ġenerazzjonjiet futuri u appella biex it-tfal ikunu edukati dwar is-sewqan. Hu semma’ l-muturi u qal li għandha ssir kampanja speċifikata fost is-sewwieqa tal-muturi.
Meta tkellem dwar id-droga, id-deputat Nazzjonalista qal li l-gvern ma kkonsultax meta daħħal il-liġijiet dwar il-legalizzazzjoni tad-droga. Stħarriġ wara ieħor juri li d-droga fil-pajjiż qed tiżdied b’mod allarmanti. Kieku l-Gvern sema’ minn dak li qalulu l-għaqdiet u l-assoċjazzjonijiet, kieku s-sitwazzjoni kienet tkun differenti. Hawn komunitajiet li huma mħassba minħabba l-abbużi tad-droga li qed isiru f’postijiet pubbliċi.
Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-gvern ħalla libertinaġġ dwar l-użu tad-droga biex issa hawn problema mifruxa. Iktar minn 50% tal-poplu jinsab inkwetat għall-mod kif kibret il-problema tad-droga fil-pajjiż.
Robert Cutajar tkellem dwar l-għeluq tal-Għassa tal-Pulizija tal-Mellieħa u qal li l-komunità tal-Mellieħa tinsab urtata għaliex il-gvern għadu jwebbes rasu. Hu semma’ lis-Sindku ta-Mellieħa Gabriel Micallef li kien għamel kampanja biex jitnaqqas it-tipjip fil-bajjiet u espriema sodisfazzjon għall-proġett pilota li se jsir biex jitwaqqaf it-tipjip f’ċertu bajjiet. Hu appella biex il-gvern jaċċetta li jiddiskuti abbozzi tal-Oppożizzjoni dwar diversi temi li m’humiex kontroversjali u li jtejbu l-kwalità tal-ħajja.
//= $special ?>