Komplew l-indikazzjonijiet li r-Russja qed tipprova twassal għal reazzjoni mill-Ewropa, bl-aħħar movimenti ta’ drones – x’aktarx li tar-Russi – jintlemħu fl-ispazju tal-ajru tad-Danimarka u bir-riżultat li kellhom jieqfu għal żmien it-titjiriet ‘il barra minn Kopenhagen.
Il-Gvern Daniż, intant. qed jitratta l-każ bl-akbar serjetà, bil-Prim Ministru Mette Frederiksen tirreferi għall-‘aktar attakk gravi kontra l-infrastruttura ta’ pajjiżha’.
Fredreiksen u l-Ministri Daniżi indikaw ukoll li ma jistgħux jeskludu l-involviment tar-Russja f’din il-kwistjoni anki jekk Dmitry Peskov, il-kelliem għall-Kremlin (f’Moska) qed jinsisti li allegazzjonijiet bħal dawn huma ‘infondati’.
Il-preżenza tad-drones fuq id-Danimarka wasslet biex l-awtoritajiet fl-ajruport ta’ Kastrup, f’Kopenhagen, jissospendu s-servizzi mit-terminal.
Min-naħa tagħha, il-Prim Ministru Frederiksen qalet li azzjonijiet bħal dawn huma ‘sinjal taż-żmenijiet li qed ngħixu fihom’. Dan waqt li hi kienet qed tagħmel konnessjoni bejn is-sitwazzjoni f’pajjiżha u l-inkursjonijiet riċenti tad-drones tar-Russi fl-ispazju tal-ajru tal-Polonja u r-Rumanija.Azzjonijiet li kienu segwiti bl-abbuż tal-ispazju tal-ajru tal-Estonja mill-fighter-jets tal-Kremlin.
Il-Gvern Daniż jemmen li l-inkursjoni fl-ispazju tal-ajru tiegħu x’aktarx kienet intenzjonata biex tqajjem l-inkwiet u anki bl-iskop li tipprovoka reazzjoni mill-qawwiet tal-pajjiż. Is-servizzi sigrieti f’Kopenhagen, min-naħa tagħhom, qalu li d-Danimarka qed tiffaċċja ‘theddida kbira ta’ sabutaġġ’.
L-aħħar rapporti qalu li mal-20,000 passiġġier kienu affettwati mill-għeluq tal-ajruport ta’ Kopenħagen li, fil-preżent, qed jiffunzjona bħas-soltu.
Dan wara li l-uffiċjali tal-pulizija fil-kapitali Daniża infurmaw lill-istampa li numru kbir ta’ drones ‘misterjużi’ kienu avviċinaw pajjiżhom mill-bogħod u minn diversi direzzjonijiet.
Il-Pulizija ma sparawx għad-drones għaliex l-ajruport jinsab fiċ-ċentru ta’ zona urbana ffullata bin-nies u l-bini u anki għaliex dak il-ħin kien hemm l-ajruplani qed jippreparaw għall-inżul.
Madankollu, il-Pulizija Daniża ma kummentatx dwar l-istqarrija tal-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky, li ddikjara ċar u tond li ‘l-inġenji militari tar-Russja abbużaw bi skop l-ispazju tal-ajru tad-Danimarka’.
//= $special ?>