Lokali Parlament

It-trolls m’għandhomx jitħallew jintimidaw lid-deputati

Albert Buttigieg, PN

Id-Deputat Nazzjonalista Albert Buttigieg qal fl-Aġġornament tal-Parlament li t-trolls m’għandhomx jitħallew jintimidw lid-deputati.

Albert Buttigieg qal li l-gimgħa li għaddiet għamel diskors dwar id-deċizjoni tal-Gvern Laburista li jiddeporta tliet Etjopjani li kienu ilhom f’Malta għal dawn l-aħħar 15 u 18-il sena.

Matul dawn is-snin, dawn it-tliet persuni mhux biss jgħixu fostna billi ħadmu u min kien iħaddimhom faħħarhom bħala ħaddiema bieżla, ħallsu t-taxxa, bnew familji imma fuq kollox qatt ma taw fastidju lil ħadd.

Hu qal li kien staqsa għaliex il-Gvern Laburista filwaqt li qiegħed idaħħal mijiet u eluf ta’ ħaddiema barranin spiċċa biex keċċa lil dawn it-tlieta. Possibbli dawn kienu żejda?

Għaliex huma ġew deportati u oħrajn li jiksru l-ligijiet, bħal dawk li jkunu ta’ kull filgħaxija jbiegħu d-drogi ġewwa l-ġnien tas-Spinola, f’San Ġiljan, għandhom fostna?

Hu qal li dan hu Gvern li jimxi b’żewġ rigiet u innota li l-One News għamel rapport fuq dan id-diskors u mhux biss dawwar dak li qal imma spiċċa biex xewwex lis-segwaċi tiegħu. Dan wassal biex it-trolls ħarġu bi ħġarhom.

Diversi kienu l-kummenti mhux biss kienu negattivi u aggressivi imma anke kattivi u personali. Filwaqt li jiena ġejt mgħallem li ma naqax fil-livel baxx bħal ħaddieħor u ma nibżax mill-bullies. imma l-punt hawn huwa li dawn it-trolls qegħdin jagħmlu ħsara lid-demokrazija tagħna, sostna d-deputat Nazzjonalista, li kompla li filwaqt li kulħadd għandu dritt għall-opinjoni tiegħu ħadd m’għandu dritt li jitgħajjar u jżebblaħ lil min ma jaqbilx miegħu.

Dan qed iwassal biex ma jkunx hawn diskussjonijiet maturi. Filwaqt li fil-Parlament kull deputat għandu dritt u dmir jesprimi l-fehma tiegħu, diversi deputati qegħdin iħossuhom ikunu intimitati, ikkundizzjonati u imbeżżgħa minn dawn it-trolls.

Dan qed iwassal biex id-deputati joqgħodu lura għaliex ma jridux jispiċċaw mira ta’ dawn it-trolls. Meta jiġri dan, allura l-istess demokrazija tkun ikkundizzjonata minn dawn it-trolls.

Dan mhux qed jiġri biss f’Malta imma anke f’pajjiżi oħra fejn l-aġenda politika qegħda tkun ikkundizzjonata minn dawn it-trolls li jikkundizzonaw id-diskors u l-fehma ta’ oħrajn.

Albert Buttigieg kompla li editorjal fit-Times of Malta tkellem propju dwar dan ukoll. Hu kompla li filwaqt li kull media house għandha l-aġenda tagħħa, imma kull media house trid tifhem ukoll ir-responsabbiltà kbira li għandha. Il-midja ma tistax biex takkwista punti politiċi tispiċċa xxewwex lin-nies u ma tirrapportax rapport oġġettiv.

Meta jixxewwex il-poplu, dan u jispiċċa jinfired aktar. Ikun kollu ipokrezija meta mbagħad noqogħdu nitkellmu fuq l-għaqda ta’ bejnietna u l-bżonn li ma nħallux kliem ta’ mibegħda fostna.

Albert Buttigieg qal li tajjeb li ma nħallux it-trolls jikkundizzjonaw id-diskorsi u l-aġenda fil-Parlament. Filwaqt li dan mhux xi attakk fuq l-espressjoni tal-libertà, jeħtieġ li l-Ispeaker iħares lid-deputati minn kull initimitazzjoni.

Hu appella lill-media houses kollha u l-ġurnalisti kollha biex jifhmu li filwaqt li tajjeb li jagħmlu xogħolhom għaliex xogħolhom huwa li jsaħħu d-demokrazija imma ma jservux u ma jagħtux lok biex ħaddieħor jinfexx jitgħajjar u jżebblaħ lil ħaddieħor sempliċiment għaliex għandu opinjoni differenti.